Għada jibdew il-provi liberi għall-Grand Prix tar-Renju Unit f’Silverstone u ċ-champion u lider attwali Lewis Hamilton se jkun qed jipprova jirbaħ quddiem il-pubbliku tiegħu stess għat-tieni sena konsekuttiva biex b’hekk ikabbar id-distakk li għandu minn mall-eqreb rivali tiegħu Nico Rosberg.
Sena ilu Rosberg kien beda mill-pole position f’Silverstone imma kellu jirtira u Hamilton spiċċa rebaħ it-tellieqa, anke jekk beda mis-sitt post. Valtteri Bottas tal-Williams kien spiċċa t-tieni filwaqt li Daniel Ricciardo tar-Red Bull kien daħal it-tielet.
Hamilton bħalissa għandu vantaġġ ta’ 10 punti fuq Rosberg. Ġimgħatejn ilu Rosberg rebaħ il-Grand Prix tal-Awstrija hekk kif għeleb l-isfida ta’ Hamilton li kien beda mill-pole position. Dan l-istaġun kien Hamilton li kellu l-aħjar bidu bejnu u bejn Rosberg imma s-sewwieq Ġermaniż jidher li qed jirkupra tajjeb u mill-aħħar erba’ Grand Prix rebaħ tlieta. Hamilton ukoll qed ikollu wirjiet pożittivi u fil-fatt fl-aħħar tliet Grand Prix hu dejjem beda mill-pole position imma mhux qed ikun kapaċi jiddefendi l-vantaġġ li jkollu.
Ta min jinnota li kull meta Hamilton rebaħ fir-Renju Unit baqa sejjer biex rebaħ it-titlu mondjali. Fl-2008 hu kien spiċċa l-ewwel meta kien għadu mal-McLaren. Nhar il-Ħadd li ġej Hamilton jipprova jirbaħ biex jagħmel pass importanti lejn ir-rebħ tat-titlu.
“Sena ilu irbaħt f’Silverstone imma ma bdejtx mill-pole position. L-għan prinċipali tiegħi hu li mhux biss nirbaħ it-tlielaq imma li niddomina tul it-tlett ijiem. Fl-Awstrija t-tim kiseb riżultat pożittiv u anke jekk ma kienx ir-riżultat li xtaqt xorta waħda ninsab kburi b’dak kollu li qed jagħmel l-istaff tekniku biex jipprovdi kemm lili kif ukoll lil Rosberg b’karozza mill-aqwa,” qal Hamilton f’kummenti li ta jiem qabel it-tellieqa.
“Bla dubju it-tellieqa tal-Ħadd għalija hi speċjali għax hi f’pajjiżi. Hu unur għalija li nara lil dawk l-eluf ta’ partitarji kollha jagħtuni l-appoġġ kontinwu. Ir-rebħa li kont ksibt fl-2008 kienet waħda mill-aqwa tlielaq tal-karriera,” kompla jgħid Hamilton.
Minn naħa tiegħu Rosberg qal li jrid ikompli minn fejn ħalla fl-Awstrija. “Din il-ġimgħa se nkunu għamilna jum żejjed ta’ taħriġ u nittama li dan jiswini tajjeb għal meta nsuq f’Silverstone. Bla dubju se tkun diffiċli biex nisfida lil Hamilton quddiem il-pubbliku tiegħu stess imma l-importanti hu li kemm jien u kemm hu niksbu kemm jista’ jkun punti lit-tim,” qal Rosberg.
Jimmiraw għal post fuq il-podju
Il-Williams bħalissa jinsabu għaddejin minn vena tajba u se jkunu qed jittamaw li għat-tieni darba konsekuttiva jiksbu post fuq il-podju. Huma kellhom wirja diżappuntanti fil-GP ta’ Monaco li fejn ħarġu b’idejhom vojta imma irkupraw tajjeb u Valtteri Bottas spiċċa t-tielet fil-Kanada filwaqt li fl-Awstrija Felipe Massa wkoll spiċċa t-tielet.
Il-Williams għandhom memorji pożittivi ta’ Silverstone meta sena ilu, Bottas daħal fit-tieni post wara Hamilton, anke jekk kien beda mis-17-il post. Fuq il-karta se tkun ferm diffiċli għall-Williams biex iż-żewġ sewwieqa tagħhom jispiċċaw it-tnejn li huma fuq il-podju, speċjalment minħabba l-qawwa tal-Mercedes u tal-Ferrari, imma żgur għandhom ċans tajjeb li jiksbu ammont kbir ta’ punti mir-Renju Unit.
Intant, l-Erbgħa ħarġet l-aħbar li l-magna tal-karozza tas-sewwieq tal-McLaren Fernando Alonso se jkollha tinbidel minħabba l-ħsara li sofriet fil-ħabta li kellu fil-GP tal-Awstrija ma’ Kimi Raikkonen tal-Ferrari. Minħabba li skont ir-regoli, l-McLaren ma jistgħux jagħmlu użu minn magna ġdida, il-Honda se jagħtuhom magna li diġa’ ġiet użata din is-sena biex b’hekk Alonso ma jkunx penaizzat.
//= $special ?>