In-Nazzjon – Jispikka ritratt prinċipali li jindika l-kaos li kien hemm ilbieraħ fit-terminus tal-linja fil-belt Valletta. Dan wara li ma ħarġux fil-ħin tal-linja card u għalhekk inħoloq il-paniku fost dawk li jużaw it-trasport pubbliku. Storja oħra fil-faċċata tal-ġurnal In-Nazzjon titkellem dwar l-iskandlu Gaffarena-Zammit fejn issostni li l-eks Spettur Daniel Zammit inqeda b’isem il-Kummissarju John Rizzo biex iwaqqaf il-kumpaniji tiegħu. Fi storja oħra ingħad li fi żjara li għamel il-Kap tal-PN Simon Busuttil fil-kwartieri tal-kooperattivi tal-Bdoti Marittimi Maltin fix-Xatt ta’ Pinto, il-Kap tal-PN saħaq li l-industrija Marittima u l-Port il-Kbir huma ta’ priorità għall-Partit Nazzjonalista.
Times of Malta – Tingħata prominenza l-istorja ta’ żagħżugħ Ungeriż li għax inzerta ta’ karnaġġjon iswed, ingħata daqqa ta’ ħarta u ġie trattat ħażin minn mara li kienet fil-kju għal tal-linja. Iż-żagħżugħ saħansitra spiċċa arrestat wara li beda jgħajjat mal-pulizija biex jieħdu azzjoni fil-konfront tal-mara… b’rabta ma dan il-każ infetħet ukoll investigazzjoni dwar l-aġir tal-pulizija. Fi storja oħra hemm rappurtata iż-żjara tal-Prim Ministru Libjan Abdullah al-Thinni li qed jagħmel f’pajjiżna fejn qed jittama li llum jintlaħaq ftehim ta’ paċi fil-Libja.
The Malta Independent – Irrappurtat bi prominenza iż-żjara tal-Prim Ministru Libjan f’Malta kif ukoll tingħata prominenza l-aħbar dwar l-investigazzjoni li kienet ordnata dwar użu eċċessiv ta’ forza meta provaw jarrestaw raġel ta’ karnaġġjon iswed waqt il-kaos li kien hemm ilbieraħ fil-belt Valletta. Fi storja oħra fil-faċċata wkoll tgħid li s-Segretarju Parlamentari Ian Borg qed jiċħad li qatt eżerċita abbuż ta’ poter u qal li l-awtoritajiet għandhom il-libertà jinvestigaw l-applikazzjoni tiegħu għal żvilupp ta’ propjetà rurali.
L-Orizzont – Rapport dwar iż-żjara tal-Prim Ministru Libjan Al Thinni f’Malta jgħid li l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat qal li Malta hi kommessa li tgħin fl-istabilità tal-Libjan. Ritratt fil-faċċata juri ħaddiema tal-protezzjoni ċivili waqt taħriġ u b’titlu li jgħid li ninsabu jum ‘il bogħod mill-Passing Out Parade. Storja oħra tgħid li wieħed mill-ispjuni għandu żewġ uċuh għax f’xogħolu kien ukoll jiltaqa’ mal-Kummissjoni Ewropea meta din tiġi Malta biex isir assessjar ta’ ċifri finanzjarji nazzjonali.
//= $special ?>