Lokali Parlament

Il-Gvern ma jagħtix informazzjoni dwar is-servizz tat-trasport pubbliku

…minkejja li ttrippla ssussidju

Il-Gvern ittrippla s-sussidju biex jitħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku mill-kumpanija Spanjola, iżda mhux qiegħed jagħti informazzjoni lill-Oppożizzjoni dwar it-tħaddim ta’ dan is-servizz li bħalissa reġa’ jinsab f’ċentru ta’ kontroversja minħabba l-frustrazzjoni li nħolqot fost il-passiġġieri kawża tad-diżorganizzazzjoni fl-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ tariffi għal dan is-servizz.

L-Oppożizzjoni din il-ġimgħa baqgħet bla risposta mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi, dwar kemm mill-1 ta’ April li għadda sal-lum, saru breakdowns ta’ karozzi tal-linja u dwar kemm iddaħħlu għat-tiswija minħabba ħsarat li żviluppaw, u mhux għaliex kien wasal iż-żmien ta’ manutenzjoni normali ta’ rutina.

Il-Ministru Mizzi ħarab milli jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet li ressqet fil-Parlament ix-Shadow Minister għat-Trasport, Enerġija u Ambjent, Marthese Portelli.

Dawn il-mistoqsijiet tressqu wara lmenti li rċeviet ix-Shadow Minister b’rabta ma’ ħsarat li żviluppaw fl-aħħar xhur fuq il-karozzi tal-linja li qed jitħaddmu fis-servizz tat-trasport pubbliku.

Il-Ministru ma tax din l-informazzjoni, u qal biss li din ma tistax tingħata għaliex it-trasport pubbliku llum hu mmexxi minn kumpanija privata.

L-iskeda tas-sajf għadha ma daħlitx fis-seħħ f’Malta filwaqt li bdiet titħaddem f’Għawdex
Il-Ministru Mizzi din il-ġimgħa lanqas ma poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra t-timetable bir-rotot għall-ħinjiiet tas-sajf li se jopera bih it-trasport pubbliku.

Għal aktar mistoqsijiet tax-Shadow Minister Marthese Portelli, il-Ministru Mizzi qal li l-iskeda tas-sajf li tirrigwarda s-servizz tat-trasport pubbliku f’Għawdex, flimkien mat-tibdil fir-rotot, iddaħħlu fis-seħħ fil-21 ta’ Ġunju li għadda.

Dwar l-iskeda tas-sajf f’Malta, il-Ministru Joe Mizzi qal li din l-informazzjoni ser tingħata aktar tard dan ix-xahar qabel ma’ din tidħol fis-seħħ.

Jirriżulta wkoll li għad hemm għaxar karozzi tal-linja mingħajr l-arja kundizzjonata, liema karozzi f’Mejju li għadda wkoll kienu mingħajr dan is-servizz.

Il-Gvern jibqa’ ma jippubblikax il-ftehim mal-kumpanija Spanjola
Il-Ministru Joe Mizzi din il-ġimgħa għal darb’oħra rrifjuta li jippubblika l-ftehim li l-Gvern iffirma mal-kumpanija Spanjola li qed tmexxi s-servizz tat-trasport pubbliku, bil-Ministru jerġa’ jirrepeti li se jippubblika l-ftehim fil-ħin opportun. Il-ftehim kien iffirmat is-sena li għaddiet u daħal fis-seħħ mill-bidu ta’ din is-sena.