Il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ mandat ta’ inibizzjoni minn Mark Gaffarena biex jixtri l-kumplament tal-bini fi Triq Zekka u li jinsab f’nofs kontroversja politika u żewġ investigazzjonijiet.
F’sentenza mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Joseph Micallef, il-Qorti qalet li m’hemmx elementi biżżejjed li jiġġustifikaw il-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-familja Cefai. Barraminhekk, ir-rikorrenti Gaffarena għandu diversi rimedji oħra li jista’ jirrikorri għalihom.
Kollox beda meta Mark Gaffarena iffirma konvenju mal-familja Cefai biex jixtri kwart mill-bini fi Triq Zekka, bħalma ghamel mal-bejjiegħa l-oħrajn. Il-konvenju kien iffirmat fis-26 ta’ Marzu li għadda u l-kuntratt kellu jiġi ffirmat sa sena wara, jiġifieri f’Marzu 2016.
Iżda fl-aħħar ta’ Mejju, faqqa’ l-iskandlu ta’ Triq Zekka li fih inkixef kif Gaffarena xtara biċċiet ta’ dan il-bini minn sidien oħra u f’temp ta’ ftit ġimgħat dawn kienu esproprjati mill-Gvern u Gaffarena għamel qliegħ ta’ iktar minn miljun u sitt mitt elf ewro.
Kif l-iskandlu ħareġ fil-pubbliku, Gaffarena beda jgħaġġel biex jixtri l-kumplament tal-bini u ffissa d-data tal-kuntratt għall-15 ta’ Ġunju li għadda.
Iżda fil-ġurnata ta’ qabel, il-familja Cefai infurmat lin-nutar li fid-dawl tal-fatti żvelati u l-fatt li kien hemm żewġ investigazzjonijiet huma ħassew li ma kienx opportun li jersqu għall-kuntratt.
Dan wassal biex Gaffarena talab lill-Qorti biex toħroġ mandat ta’ inibizzjoni u tisforza l-bejjiegħa jersqu għall-kuntratt, liema talba ġiet miċħuda mill-Qorti.
Mark Gaffarena xtara kwart ta’ proprjeta’ fi Strada Zekka fil-belt Valletta, għal valur ta’ ftit aktar minn €23,000. Fit-28 ta’ Jannar li għadda, il-Gvern esproprja kwart il-proprjeta’, u ħallas lil Gaffarena €822,500 ewro f’art u flus kontanti.
Fis-26 ta’ Frar, Mark Gaffarena xtara kwart ieħor tal-proprjeta’, din id-darba għall-valur ta’ €139,762. Xahrejn biss wara, il-Gvern reġa’ esproprja kwart ieħor ta’ din il-proprjeta’, u reġa’ ħallas lil Mark Gaffarena €822,500.
//= $special ?>