Hekk kif nhar il-Ħadd il-Griegi se jivvutaw f’referendum dwar jekk iridux jaċċettaw l-aħħar pakkett ta’ għajnuna finanzjarja bil-kundizzjonijiet kollha marbutin miegħu, l-istħarriġ qed jindika vot favur.
Il-Prim Ministru Alexis Tsipras qed iħeġġeġ għal vot kontra u diversi mexxejja Ewropej wissew li vot kontra fil-verità jkun ifisser vot biex il-Greċja titlaq miz-zona ewro, il-grupp ta’ pajjiżi li jużaw l-ewro.
Skont stħarriġ tal-GPO, madwar 43.3 fil-mija tal-Griegi indikaw li kienu se jivvutaw favur filwaqt li 39.3 fil-mija qalu li se jivvutaw kontra. Qabel ma għalqu l-banek Griegi fil-bidu tal-ġimgħa, kien hemm 57 fil-mija tal-Griegi li qalu li kienu se jivvutaw “le” u dawk li kienu se jivvutaw “iva” kienu 30 fil-mija, filwaqt l-indeċiżi kienu 13 fil-mija.
Imma l-istħarriġ tal-opinjoni pubbliku fil-Greċja qed jagħti indikazzjonijiet kunfliġġenti u l-analisti jemmnu li dawk favur huma aktar, b’mod partikulari peress li fil-passat dawk li riedu jżommu l-ewro kienu fil-maġġoranza.
Yanis Varoufakis, il-Ministru tal-Finanzi Grieg, li flimkien ma’ Tsipras kien il-protagonist ta’ din il-ġrajja, ma eskludiex li jekk ikun hemm vot favur, hu jirriżenja.
//= $special ?>