Lokali Parlament

Jispiċċa… iżda jibqa’ fl-istess post

Jirtira minn Deputat Kummissarju tal-Pulizija u jinħatar konsulent mal-Korp bl-istess salarju u benefiċċji

Id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija, Andrew Seychell, irtira mill-Korp u minnufih inħatar u beda jaħdem bħala konsulent mal-Korp bl-istess salarju u benefiċċji li kellu ta’ Deputat Kummissarju.

Dan ifisser li l-eks-uffiċjal għoli tal-Pulizija llum qiegħed jirċieva l-pensjoni relatata ma’ Skala 3 tal-Gvern, jirċieva s-salarju bħala konsulent fl-ammont li kien jirċievi meta kien għadu fil-Korp, u ħa wkoll is-somma li għadha tapplika għal dawk li kienu daħlu fis-settur pubbliku bis-sistema li tintitolah għas-somma tal-irtirar u li llum m’għadhiex titħaddem.

Fil-kariga li llum għandu, l-eks-Deputat Kummissarju żamm ukoll l-istess perkaċċi – fosthom is-servizz ta’ karozza u xufier. Żamm ukoll l-istess uffiċċju.

Wara li dan il-każ kien żvelat xi ġimgħat ilu mill-gazzetta il-mument, fil-Parlament din il-ġimgħa l-Ministru Carmelo Abela responsabbli mill-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, ikkonferma li l-eks-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Andrew Seychell irtira mill-Korp tal-Pulizija wara aktar min-39 sena servizz, b’effett mil-1 ta’ Gunju 2015.

Għall-mistoqsija parlamentari tal-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, il-Ministru Abela kkonferma li mar-riżenja tiegħu, Andrew Seychell inħatar bħala konsulent fuq materji tal-Pulizija. Il-Ministru Abela qal ukoll li dan sar minħabba r-rekord tajjeb u l-esperjenza tiegħu f’diversi oqsma li jittrattaw lill-istess Korp tal-Pulizija.

Beppe Fenench Adami staqsa lill-Ministru jikkonferma li hekk kif irtira mill-Korp, Andrew Seychell inħatarx bħala konsulent, u jekk fl-affermattiv, jgħid meta u fuq xiex inħatar konsulent u kemm qiegħed jitħallas għal din il-kariga.

Staqsa wkoll lill-Ministru Camelo Abela jispjega kemm hi d-differenza bejn il-paga li kien jirċievi l-individwu bħala Deputat Kummissarju u l-paga li qed jirċievi issa bħala konsulent, u jekk fil-kwalità tiegħu ta’ konsulent, għandux karozza u xufier għad-dispożizzjoni tiegħu filwaqt li jelenka l-perkaċċi u l-benefiċċji kollha li jgawdi dan l-eksuffiċjal għoli fil-Korp , illum bħala konsulent.

Il-Ministru Abela wieġeb li l-Korp tal-Pulizija ħass li ma setax jitlef l-esperjenza vasta li għandu dan l-uffiċjal fil-fora Ewropea in vista tal-presidenza li Malta se jkollha fl-2017, kif ukoll l-esperjenza li għandu fil-qasam tas-sigurtà u immigrazzjoni, fost esperjenzi oħra.

Ikkonferma wkoll li m’hemm l-ebda differenza fis-salarju tiegħu bħala Konsulent minn dak li kellu bħala Deputat Kummissarju, u li l-benefiċċji li għandu llum bħala konsulent huma identiċi għal dawk li kellu fil-Korp tal-Pulizija.

Il-gazzetta In-Nazzjon illum żvelat kif dan kien każ ieħor li nkixef fil-Parlament mill-Oppożizzjoni dwar it-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija wara li ftit tal-jiem ilu kixfet ukoll il-każ ta’ Spettur tal-Pulizija, it-tifel tal-eks-Aġent Kummissarju tal-Pulizija li għadda boarded out f’erbat ijiem u ngħata impjieg b’salarju ta’ €60,000, u li issa nkixef ukoll li kien involut f’negozju mal-familja Gaffarena meta kien għadu fil-Korp.