Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni għal darb’oħra tistieden lill-Partit Laburista jagħti l-propjetajiet lura lill-pubbliku

Fuq insistenza tal-Oppożizzjoni ssir emenda biex il-kontijiet finanzjarji jkunu pubblikati b’obbligu online

L-Oppożizzjoni stiednet lill-Gvern li meta jrid il-propjetajiet li għandhom il-partiti politiċi jgħaddu kollha lura lill-istat u għaldaqstant jingħataw lura lill-pubbliku.

Ix-Shadow Minister Chris Said għamel din l-isfida u l-appell lill-Ministru Owen Bonnici biex il-Partit Laburista jagħti l-proprjetà kollha li ħa lura lill-pubbliku, waqt li dalgħodu kienet qed tiġi diskussa fil-Parlament, fi stadju ta’ Kumitat, il-liġi li qed jipproponi l-Gvern dwar il-finanzjament tal-partiti.

L-Oppożizzjoni fissret li l-Partit Nazzjonalista għandu biss tliet propjetajiet li kollha ħadhom b’tender mill-Gvern, waqt li l-Partit Laburista għandu numru kbir ta’ proprjetajiet, bejn 30 u 40 proprjetà li jiswew il-miljuni u li ngħataw lilu tul is-snin minn gvernijiet Laburisti.

Chris Said saħaq u nsista li n-numru kbir ta’ propjetajiet li għandu f’idejh il-Partit Laburista llum huma sors ta’ dħul, u li dawn huma forma oħra ta’ servizzi mill-Gvern lill-partiti politiċi.

Il-Partit Laburista għadu jgawdi sal-lum mid-dnub ta’ gvernijiet Laburisti
Filwaqt li rrikonoxxa li dawn il-propjetajiet ilhom li ngħataw mill-gvern Laburista lill-Partit Laburista tant li ħafna propjetajiet kienu wkoll ittieħdu b’rekwiżizzjoni mill-privat, Chris Said saħaq li dan hu dnub li għadu jgawdi minnu l-Partit Laburista llum.

Għal dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Bonnici irreaġixxa bil-kumment li dan mhux Bondi+ waqt li rrimarka li d-diskussjoni dwar din il-liġi hi fi stadju ta’ Kumitat u mhux fit-Tieni Qari fejn isiru l-argumenti politiċi.

Chris Said wieġeb li l-Gvern mhux se jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni jew b’xi mod jipprova jikkontrollal l-argumenti tal-Oppożizzjoni, waqt li wieġeb ukoll li hu l-Gvern li jaf xi ftehim għamel fuq Bondi+.

Spjega li mhux aċċettabbli għall-Oppożizzjoni li quddiem liġi ġdida li se tirregola l-finanzjament tal-partiti, ikun injorat dan id-dnub li minnu l-Partit Laburista għadu jgawdi sal-lum.

F’dan id-dibattitu, il-Gvern ħa l-parir tal-Avukat Ġenerali u baqa’ jgħid li dawn il-propjetajiet li huma b’kiri għand il-partiti, mhumiex meqjusa bħala servizzi minn sorsi tal-istat, u li l-proposta tal-Oppożizzjoni l-Gvern ma jistax jaċċettaha.

Chris Said qal li dawn il-proprjetajiet li l-valur tagħhom jitla’ għal miljuni kbar, jagħtu dħul kull sena, u li dawn huma fosrma ta’ servizzi mill-Gvern lill-partiti u li għaldaqstant dan għandu jkun iċċarat ukoll fil-liġi.

L-Oppożizzjoni tinsisti għas-serjetà fil-liġi li tirregola l-partiti politiċi
L-Oppożizzjoni nsistiet waqt id-diskussjoni dwar il-liġi li se tirregola l-finanzjament tal-partiti, għas-serjetà u regolamentazzjoni rigoruża bil-Gvern jibqa’ jinsisti u jirrepeti l-bżonn li din il-liġi tgħaddi u tidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun.

L-Oppożizzjoni nsistiet b’qawwa li l-kontijiet finanzjarji tal-partiti politiċi għandhom jiġu ppubblikati online mir-regolatur li se jkun qed jivverifika l-kontijiet finanzjarji tal-partiti politiċi.

Fid-diskussjoni bejn il-Ministru Owen Bonnici u l-membri tal-Oppożizzjoni dwar jekk ir-rapporti finanzjarji għandhomx ikunu online jew le, il-Ministru Bonnici nsista li se jkun hemm biżżejjed trasparenza u kien qed jinsisti li l-pubbliku se jkollu xorta aċċess tal-kontijiet finanzjarji tal-partiti politiċi billi wieħed imur fiżikament hu u janalizza u jivverifika r-rapporti finanzjarji.

L-Oppożizzjoni, permezz tal-Viċi Kap għall-Ħidma fl-PN Beppe Fenech Adami, u tax-Shadow Ministers Chris Said u Claudio Grech, baqgħet tinsiti għall-obbligu fil-liġi li torbot lir-regolatur jippubblika r-rapporti finanzjarji tal-partiti online.

Id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia qal li għandha tiġi mill-partiti li minn rajhom jippubblikaw il-kontijiet finanzjarji online u saħaq li din hi prassi li twassal li jkun hemm it-trasparenza mixtieqa.

Claudio Grech irrimarka li l-aktar ta’ nkwiet hi li b’dak li qed jipproponi l-Gvern fil-liġi, qegħdin indaħlu sett ta eċċezzjonijiet u preferenzi għall-partiti politiċi kontra kull persuna oħra li topera fil-kummerċ u żgur li dan mhux l-intenzjoni tal-liġi.
F’era fejn kollox hu aċċessibbli online, Claudio Grech saħaq li f’liġi li qed tiddaħħal fl-2015, mhux qed ninkludu l-kontijiet finanzjarji tal-partiti online.

Waqt battibekk bejn il-Ministru Bonnici u x-Shadow Minister Claudio Grech dwar l-importanza tal-pubblikazzjoni online tar-rapporti finanzjarji, il-Ministru Bonnici qal li l-Partit Laburista minn rajh jippubblika l-kontijiet pubbliċi. Claudio Grech wieġeb li l-Partit Laburista ilu ma jippreżenta l-kontijiet finanzjarji tiegħu, u mhux il-każ li l-Partit Laburista jippreżentahom minn rajh. Dan jista’ jkun ivverifikat fl-MFSA.

Għar-rimarki li saru mill-Gvern li din se tkun l-ewwel liġi li se tkun qed tirregola lill-partiti u li l-liġi ma saritx qabel, Claudio Grech qal li hu veru li din il-liġi ma daħlitx qabel, iżda fisser li issa li se tkun qed tidħol, għandha tiddaħħal bl-aħjar mod possibbli.

Claudio Grech, flimkien ma’ Beppe Fenech Adami u Chris Said, insistew li l-kontijiet finanzjarji għandhom ikunu online u available għal kulħadd

Quddiem din l-insistenza, bl-Oppożizzjoni tisħaq li dak li jrid il-Gvern mhux l-istess ta’ dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni, il-Ministru Bonnici qabel li l-liġi tobbliga lill-Kummissjoni Elettorali, li l-Gvern irid li tirregola l-partiti politiċi, tippubblika l-kontijiet finanzjarji online fi żmien xahar minn meta jiġu ppreżentati.

Diskussjoni oħra saret b’rabta mal-multa amministrattiva imposta fil-liġi, ta’ €10,000, f’każ li partit politiku ma jippreżentax il-kontijiet finanzjarji. L-Oppożizzjoni nsitiet ukoll li għandu jkun hemm aktar sanzjonijiet f’każ li partit politiku jibqa’ jagħżel li jħallas il-multa u ma jippreżentax il-kontijiet finanzjarji.

Il-Ministru Bonnici spjega li l-multa ta’ €10,000 hi suffiċjennti, fost sanzjonijiet oħra hemm in-name and shame, u li l-Kummissjoni Elettorali tista’ tfittex lill-partit politiku fil-Qorti biex jissottometti r-rapport finanzjarji. Dan minbarra l-konsegwenzi politiċi li jkun hemm għal dak il-partit.
Kien hemm qbil li l-multa ta’ €10,000 tkun kull sena.