Lokali

Promozzjoni għat-turiżmu marittimu sostenibbli lejn Malta

Esperti minn tlett pajjiżi, Malta, ir-Rumanija u s-Slovenja, kienu mistiedna jiddiskutu t-turiżmu marittimu u ambjentali fil-Parlament Ewropew. F’seminar konġunt bejn il-Partit Popolari Ewropew, il-Partit Soċjalista Ewropew u il-Ħodor Ewropej organizzat mill-MEP Therese Comodini Cachia bis-sapport ta’ l-Intergroup tal-Parlament Ewropew fuq l-Iżvilupp Turistiku, Comodini Cachia qalet li “soċjetajiet moderni huma aktar konxji fir-rigward ta’ responsabilitajiet ambjentali. Dan ipoġġi dimensjonijet ġodda fuq responsabilitajiet fit-turiżmu kif ukoll fuq opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir fis-settur permezz ta’ ħolqien ta’ prodotti kemm ambjentali kif ukoll marittimi. F’dan is-sens, l-ambjent u t-turiżmu huma marbuta flimkien sal-punt li politika fuq ta’ l-ewwel ma tistax tinjora l-oħra.”

Comodini Cachia qalet li Malta bħala gżira tista toffri vaganzi awtentiċi li jirrispondu għal aspettattivi turistiċi permezz ta’ żvilupp ta’ prodotti turistiċi li jippromwovu l-ambjent naturali li huwa uniku għal Malta, li jippromwovi l-ambjent naturali Malti, kif ukoll il-kultura speċifika tal-pajjiż aktar milli prodotti turistiċi konvenzjonali. Madankollu, fl-iżvilupp ta’ turiżmu ambjentali u marittimu, Malta għandha turi impenn akbar lejn il-konservazzjoni ta’ żoni rurali u naturali b’importanza xjentifika, zoni kostali kif ukoll ambjent marittimu.

Iż-żoni marittimi u kostali jiġġeneraw attivita’ ekonomika sostanzjali fl-Ewropa; fejn jimpjegaw kwazi 3.2 miljun persuna b’valur gross addizzjonali ta’ €183 biljun.

Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mill-Professur Alan Deidun, biologu tal-baħar u akkademiku residenti fl-Universita’ ta’ Malta, sabiex jitkellem fuq il-potenzjal ta’ Żoni Protetti Marittimi f’Malta bħala ħub turistiku. Deidun qal li “Il-Mediterran, jew l-akbar destinazzjoni turistika fid-dinja, teżebixxi b’mod ċar ir-relazzjoni xejn komda bejn turiżmu tal-massa u l-ambjent marittimu kostali; dan wara li intilfu fazzjonijiet kbar ta’ abitati kostali, bħal duni tar-ramel. Turiżmu sostenibbli f’dawn iż-żoni għandu jkun aġevolat u sostnut bħala mudell alternattiv għal turiżmu tal-massa; li jtaffi ftit mill-pressjoni li titpoġġa fuq assi naturali ta’ l-istess żoni permezz ta’ turiżmu konvenzjonali; filwaqt li fl-istess ħin jikkontribwixxi lejn fattibilta’ finanzjarja tan-neċessitajiet fl-operat maniġerjali ta’ l-istess zoni.”