Skont l-avukat Abigail Bugeja, iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena li kien akkużat fil-Qorti b’serq minn diversi lukandi, wettaq dawn l-atti għax kien għaddej minn żmien ħażin f’ħajtu.
Il-Maġistrat Antonio Vella ta sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs lil dan iż-żagħżugħ, u qal li “irrispettivament mill-eta’ tiegħu, dawn l-affarijiet ma jsirux.
Iż-żagħżugħ, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wettaq 13-il serqa minn diversi kmamar ta’ lukandi f’San Pawl il-Baħar. Hu kien parti minn grupp ta’ kriminali li kienu qed iwettqu dan it-tip ta’ serqiet.
L-oġġetti misruqa jammontaw għal €8,000 u jinkludu flus kontanti, mobiles, cameras u laptops.
L-Ispettur Kurt Zahra sostna li ż-żagħżugħ ma żbaljax darba, iżda 13-il darba. Hu saħaq li kellu 13-il okkażjoni li fihom seta jikkunsidra mill-ġdid l-azzjonijiet tiegħu. Apparti minn hekk, is-serq sar fuq persuni li kienu għal btala f’Malta. Wieħed mill-laptops misruqa instab fil-kamra tas-sodda ta’ dan iż-żagħżugħ.
//= $special ?>
