Internazzjonali

Twissijiet u blackouts waqt mewġa ta’ sħana fl-Ewropa

Il-mewġa ta’ sħana li għaddejja minnha l-Ewropa qed tirriżulta fi blackouts f’diversi bnadi ta’ Franza waqt li żdied l-inkwiet li numru ta’ nies se jbatu l-effetti ta’ heat-stroke.
It-temperaturi telgħu mal-40 grad Celsius u n-Nazzjonijiet Uniti wissiet li l-hekk imsejħa heatwaves qed jirrepetu ruħhom dejjem aktar. Is-sħana saret aktar intensiva minħabba l-bidliet fil-klima u n-NU qed tħeġġeġ biex aktar pajjiżi jimplimentaw is-sistemi ta’ twissija biex jinfurmaw lin-nies dwar il-perikli assoċjati mat-temp.
L-awtoritajiet fis-Safaripark ta’ Beekse Bergen, fl-Olanda, diġà ħadu ħsieb proċeduri ta’ emerġenza, u wkoll qed iqassmu l-ġelati lill-annimali fiz-zoo. Miżuri oħra f’dan il-kumpless jinkludu doċoċ kontinwi għall-iljunfanti u annimali oħra. Fl-istess ħin, iz-zoo ewlieni ta’ Ruma, fl-Italja, qassam il-ġelati lill-ispeċi tal-orangutan fl-inħawi.
Madankollu, in-nies għaddejjin minn żmien aktar diffiċli, meta madwar elf residenza fil-Punent ta’ Franza baqgħu mingħajr dawl matul il-lejl tat-Tlieta. Dan wara li l-mewġa ta’ sħana avvanzat minn Spanja lejn Franza, biz-zona ta’ Britanny tintlaqat minn blackout fit-tul, u 100,000 dar spiċċaw mingħajr dawl.
F’Londra, bħalissa, għaddej it-tournament tat-tennis ta’ Wimbledon, u s-segwaċi u l-plejers batew l-aktar ġurnata sħuna meta t-temperatura telgħet mas-36 grad Celsius.
Intant, il-funtani ta’ Londra nbidlu fi speċi ta’ ‘bajjiet’, bil-ġenituri u wliedhom jilbsu l-malji u jilagħbu fl-ilma f’zoni li jinkludu l-istazzjon ta’ King’s Cross.
Hu mistenni li l-Ġimgħa, mewġa ta’ sħana oħra li għandha ddum disat ijiem tolqot l-inħawi ta’ Spanja qabel tinferex għal Franza. It-temperaturi se jkunu partikolarment għoljin nhar it-Tnejn, meta aktarx jitilgħu sa 44 gradi Celsius f’xi reġjuni ta’ Spanja minħabba l-kurrenti tal-arja sħuna li qed jonfħu bħalissa mill-Afrika.
Fir-ritratt, it-temperatura f’Cordoba fi Spanja fil-bidu tal-ġimgħa.