Internazzjonali

Anzjana fiċ-Ċina ssalva l-eluf ta’ klieb mill-barbariżmu tal-bejjiegħa tal-laħam

Mara Ċiniża ta’ 66 sena ssemmiet bħala eroj wara li għamiltha l-missjoni ta’ ħajjitha biex issalva l-mijiet tal-klieb mill-bejjiegħa tal-laħam f’pajjiżha.

Yang Xiaoyun saret mira għal dawn il-bejjiegħa li heddewha b’ħajjitha iżda hi qed tkompli tisfidahom, fost rapporti li hi salvat ‘l-għexieren tal-eluf’ tal-annimali minn qatla brutali.

Il-metodi li jużaw il-bejjiegħa tal-laħam fiċ-Ċina huma faħxija u primittivi, fejn fost oħrajn ‘jiftħu beraħ l-istonku tal-klieb waqt li jkunu għadhom ħajjin’.

Sadanittant, Yang Xiaoyun biegħet iż-żewġt idjar ta’ familtha biex tiffinanzja xelter għall-klieb fi Tianjin. Dan irriżulta f’tilwima bejnha u binha li ma kellimhiex għal tlett snin sħaħ meta sar jaf li hu kien tilef dawn id-djar bħala l-werriet ta’ ommu.

Li kieku ma kienx għal Yang, il-klieb kollha residenti f’dan ix-xelter kienu jispiċċaw bħala ikel għan-nies waqt li hekk-imsejjaħ ‘festival tal-laħam tal-klieb’ li sar ix-xahar li għadda f’Yulin, lejn il-Lbiċ ta’ Tianjin.

Hemm tradizzjoni li waqt dan il-festival tas-sajf annwali, jinqatlu sa 10,000 klieb u l-għexieren tal-qtates ‘għall-borma’ – iżda d-drawwa partikolari qajjmet għadab kbir madwar id-dinja.

It-tortura tal-klieb hi anki fattur komuni waqt dan il-festival u llum. Filwaqt li d-dinja qed tesprimi xokk u rabja, l-anzjana Yang – armla li kienet tgħallem il-letteratura Ċiniża – tibqa’ determinata li tagħmel kulma tista’ biex issalva kemm tista’ minn dawn l-annimali (li tirreferi għalihom bħala ‘trabi tagħha’) minn mewta terribbli.

Il-bejjiegħa tal-laħam f’Yulin huma akkużati li qed jitrattaw il-klieb bl-aktar mod krudil u barbaru biex in-nies li jipprotestaw għal dan l-aġir iħallsu l-prezzijiet eżaġerati biex isalvaw lill-annimali minn aktar miżerja.