In-nies ta’ Edward Zammit Lewis urtati għal dak li qed jagħmel Chris Cardona
Kollox jindika li għall-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona, il-Port Ħieles, il-Malta Shipbuilding u kumpaniji kbar oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-portafoll tiegħu bħal qishom xi propjetà tal-Partit Laburista bil-mod kif jaqdi lill-kostitwenti tiegħu u jdaħħalhom jaħdmu fihom.
Fl-aħħar xhur għadd ta’ persuni mid-distrett elettorali li jikkontesta fih Chris Cardona sabu ruħhom jaħdmu full-time ma’ kumpaniji bħall-Port Ħieles jew il-Malta Shipbuilding. Inċidentalment, dawn kollha ddaħħlu jaħdmu bħala Uffiċjali tas-Sigurtà u mingħajr l-ebda sejħa biex jimtlew xi vakanzi ta’ Uffiċjali tas-Sigurtà.
Riżultat ta’ dan l-abbuż ta’ poter, fil-Port Ħieles issa hemm sitwazzjoni fejn hemm għadd ta’ Uffiċjali tas-Sigurtà żejda, filwaqt li fil-Malta Shipbuilding hemm għadd ta’ Uffiċjali tas-Sigurtà li litteralment m’għandhomx x’jagħmlu. Iżda filwaqt li l-importanti għal Chris Cardona hu li akkwista l-vot ta’ dawn il-persuni u l-familji tagħhom, bosta oħrajn viċin tal-istess Ministru huma urtati ħafna għalih li huma baqgħu b’xiber imnieħer.
Il-ġurnal In-Nazzjon illum ikkwota sorsi li fissru li, filwaqt li Chris Cardona qeda numru ta’ Karkariżi u nsista magħhom biex iżommu kollox għalihom u ma jgħidu xejn lil ħadd kif iddaħħlu jaħdmu, il-kelma mxiet sew u dawk li s’issa għadhom b’xiber imnieħer huma urtati ħafna għal Cardona, tant li qed jargumentaw li fl-aħħar mill-aħħar huma vot ukoll għandhom.
Sitwazzjoni oħra li qed tevolvi hi bejn il-partitarji ta’ Edward Zammit Lewis u dawk ta’ Chris Cardona. Filwaqt li tal-ewwel huma urtati ħafna li Edward Zammit Lewis jidher li m’għandux daqstant mezzi u faċilitajiet biex jaqdi lin-nies tiegħu, il-kompetitur dirett tiegħu Chris Cardona għandu ħafna mezzi kif jakkwista l-voti billi jaqdi lin-nies tad-distrett.
Bejn iż-żewġ gruppi ta’ partitarji, fi ħdan l-istess partit u fl-istess distrett elettorali, hemm animożità kbira hekk kif issa hu sigriet magħruf li biex Chris Cardona jdaħħal kostitwenti tiegħu jaħdmu f’xi azjenda governattiva jew li b’xi mod taqa’ taħt il-Gvern, m’hemmx bżonn ta’ sejħiet biex jimtlew xi vakanzi.
In-Nazzjon irrapporta li fl-isfond ta’ dak kollu li qed jiġri, ħafna qed jikkummentaw dwar “l-ipokresija grassa” tal-Gvern Laburista, li l-ħin kollu jitkellem dwar korrettezza u good governance. Madankollu, imbagħad jagħmel litteralment bil-maqlub u jagħmel biss dak li jaqbel direttament lilu.
//= $special ?>