Lokali Parlament

Diversi problemi għall-bdiewa, raħħala u sajjieda

Skont dak li qed jgħidu l-bdiewa, qegħdin jidħlu illegalment prodotti impurtati mill-Ewropa fil-Pitkalija

Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali beda jirrealizza li l-bdiewa għandhom diversi problemi u li mhux kollox miexi fuq ir-rubini għar-raħħala u s-sajjieda tagħna.

Dawn ir-rimarki għaddihom id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura u Sajd meta tkellem fil-Parlament b’reazzjoni għad-diskors li għamel il-ġimgħa l-oħra s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li punt pożittiv li ħareġ mid-diskorsi li saru fl-aġġornamenti fil-Parlament kien li s-Segretarju Parlamentari beda jirrealizza bil-problemi f’dan is-settur.

Appella li filwaqt li din il-komunikazzjoni bejn Gvern u Oppożizzjoni trid tiġi miż-żewġ naħat, trid tiġi prinċiparjament minn naħa tas-Segretarju Parlamentari għax fl-aħħar mill-aħħar hu s-Segretarju Parlamentari li suppost hu l-aktar persuna infurmata dwar xhinu jiġri f’dan is-settur.

Stieden lis-Segretarju Parlamentari Galdes li jekk verament irid jikkomunika u jinvolvi lill-Oppożizzjoni fid-diskussjoni dwar diversi problemi li jolqtu lis-sajjieda, raħħala u bdiewa, jistiednu għal laqgħat regolari jew kull meta jkun hemm bżonn – basta għall-ġid ta’ dan is-settur.

Iddikjara iżda li bl-iskuza tal-Gvern li l-Oppożizzjoni qiegħda tippolitiċizza s-sitwazzjonijiet ta’ diffikultajiet li jolqtu lil dawn l-oqsma, il-Gvern mhux ser jiskoraġġih milli jkompli jsemma l-vuċi tal-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala.

Segretarju Parlamentari mhux infurmat
Dwar l-argumenti li kienu skambjati fil-Parlament dwar is-sistema ta’ kaxxi fil-Pitkalija, id-Deputat Nazzjonalista stieden lis-Segretarju Parlamentari jistaqsi lill-bdiewa jekk kienx hawn u jekk hawnx problemi ta’ kaxxi jew le. Dawk kollha midħla ta’ dan is-settur, qal Toni Bezzina, jafu min qed jgħid is-sewwa u minn qed jidħak bihom.

Fisser ukoll li anke dwar kemm iħallsu l-bdiewa għax-xiri ta’ kaxxi u l-ħasil tagħhom, is-Segretarju Parlamentari ma kienx korrett. Irrimarka li agħar minn hekk, is-Segretarju Parlamentari qed jgħid li l-€0.01 li jitħallsu mill-bdiewa, xerrejja u pitkala jmorru għall-ħasil biss tal-kaxxi u mhux għal maintenance wkoll li jinkludi bdil (xiri) ta’ kaxxi fejn dawn ma jkunux jistgħu jiġu rranġati.

Din hi sitwazzjoni nkwetanti ħafna li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-pitkalija, li ilu f’din il-kariga ghal dawn l-aħħar sentejn u tliet xhur, mhux infurmat dwar xhinu jiġri fil-pitkalija u lanqas hu nfurmat xi ftehim hemm bejn il-bdiewa, pitkala, xerreja u l-gvern fir-rigward tal-kaxxi tal-pitkalija.

Dwar ir-refurbishment tal-pitkalija, id-Deputat Nazzjonalista reġa’ tenna l-punt li l-Gvern Laburista, li tant ippriedka t-trasparenza, wara aktar minn 24 xahar fil-Gvern qata’ ħesrem opportunità lill-bdiewa li tiġi refurbished il-pitkalija mingħajr ebda spjegazzjoni għajr li dan il-proġett ma jissodisfax ir-regolamenti tal-iState Aid.

Allegazzjonijiet ta’ prodotti mill-Ewropa li qed jinbiegħu fil-Pitkalija
“Il-verità hi li dan il-Gvern ma jemminx fil-prodott lokali”, reġa’ saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni hekk kif reġa’ ġibed għall-attenzjoni tal-Gvern biex jinvestiga l-allegazzjonijiet li qed isiru minn diversi bdiewa – dik li qed jinbieghu prodotti impurtati mill-Ewropa fil-pitkalija.

Filwaqt li saħaq li xogħol impurtat mill-Eworpa ma jistax jinbiegħ mill-Pitkalija, skont dak li qed jgħidu l-bdiewa, mhux veru li mhux qed jidħlu illegalment prodotti impurtati mill-Ewropa fil-Pitkalija. L-isfortuna tibqa’, qal Toni Bezzina, li b’dan it-taħwid kollu u bin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern biex jnvestiga dawn l-allegazzjonijiet, qed ibatu l-bdiewa Maltin u Għawdxin.

Ikkritika wkoll il-fatt inkwetanti li hekk kif tela’ fil-Gvern il-Partit Laburista, għalaq il-Pitkalija ta’ Għawdex. Fisser li b’din id-deċiżjoni l-bdiewa Għawdxin qegħdin jiġu diskriminati.

Għalkemm bdiewa Għawdxin għandhom ikollhom l-għażla li jbiegħu l-prodotti agrikoli fil-Pitkalija ta’ Malta, kellu jingħatalhom id-dritt ukoll li jbiegħu l-prodotti agrikoli tagħhom mill-Pitkalija ta’ Ghawdex.

Il-Gvern għandu jwieġeb mistoqsijiet li qed jagħmlu l-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda
Talab ukoll lis-Segretarju Parlamentari jgħid jekk il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda staqsewhx biex jispjega r-raġuni li l-bdiewa li jkabbru t-tadam għadhom ma ħadux is-sussidju tal-2014 u għaliex il-Gvern ipprova jagħti sussidju anqas minn dak miftiehem minn qabel ma’ dawn il-bdiewa.

Jekk staqsewhx għaliex il-Gvern irid iwaħħal meters ma’ spieri antiki meta dawn ma jiħdux ilma mill-ilma tal-pjan iżda mill-ilma żejjed ta’ fuq t-tafal; u xkienet r-raġuni li l-Gvern riċentament kien neħħa l-fakultà lill-bdiewa Għawdxin li jidħlu siegħa qabel il-pitkalija biex imbagħad kellu jreġġa’ kollox lura wara xahar.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsa wkoll jekk hux veru li s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes jew rappreżentanti tiegħu, ħarġu ordni li l-ebda Membru Parlamentari m’għandu jitħalla jidhol fil-Pitkalija, u xinhi r-raġuni għal din l-ordni?

Ir-raħħala li jrabbu l-baqar ma ħadux sehem fil-wirja tal-Imnarja
Staqsa wkoll lis-Segretarju Parlamentari jgħid ir-raġuni għaliex nhar it-Tnejn li għaddew ir-raħħala li jrabbu l-baqar ma ħadux sehem fil-wirja u kompetizzjoni li tigi organizzata kull sena f’ jum l-Imnarja.
Talab ukoll lill-Gvern jgħid x’sar mill-kuntratt li kien iffirmat bejn il-gvern preċedenti u r-raħħala għal għotjiet relatati mal-installazzjoni ta’ tined fl-irziezet ta’ min irabbi l-baqar, u li l-Partit Laburista meta kien għadu fl-Oppożizzjoni kien ta kelmtu li tali għotjiet ikunu onorati jekk ikun fil-Gvern.

Ma tħalliex spazju għas-sajjieda fil-Master Plan propost mill-MEPA għal Marsaxlokk
F’aktar mistoqsijiet li għamel id-Deputat Nazzjonalista lis-Segretarju Parlamentari, staqsa wkoll għaliex il-parati li hemm fir-raħal tas-sajjieda f’ Marsaxlokk għadhom imkissrin, u jekk jafx li fejn ikunu jistgħu jipprattikaw is-sena tradizzjonali tagħhom, bħal tiswija ta’ konzijiet, xbieki, u diversi nġenji tal-baħar oħra.

Il-Pixkerija l-ġdida għadha ma tlestitx
B’riferenza għal dak li kien qal il-Ministru Leo Brincat f’risposta għall-mistoqsija parlamentari li sartlu fit-12 ta’ Ġunju 2013 mid-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, li l-Pixkerija l-ġdida kellha tinfetaħ f’Marzu tal-2014, Toni Bezzina staqsa r-raġuni għaliex din għadha magħluqa sal-ġurnata tal-lum meta diġà għaddew sena u tliet xhur mid-data ta’ meta suppost kellha tiftaħ il-Pixkerija.

Toni Bezzina rrimarka li kieku veru li s-Segretarju Parlamentari jiltaqa’ mal-persuni involuti direttament f’dawn l-oqsma u jidħol fid-dettall dwar il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn in-nies, kieku dawn il-problemi diġà ssolvew.