Internazzjonali Unjoni Ewropea

Fl-aqwa tagħhom il-kampanji għar-Referendum tal-Ħadd fil-Greċja

Eluf ta’ dimostranti rivali f’Ateni qed jorganizzaw rallies kbar qabel ir-Referendum kruċjali tal-Ħadd li ġej, li matulu l-elettorat Grieg se jivvota dwar il-kundizzjonijiet marbuta mal-bailout internazzjonali tal-pajjiż.

L-ekonomija tal-Greċja tinsab taħt pressjoni kbira meta l-pajjiż m’għadx għandu aċċess għal fondi ġodda, bil-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea jwissu li vot kontra min-naħa tal-Griegi jista’ jfisser it-tmiem ta’ pajjiżhom bħala membru taż-Żona Ewro. Il-banek fil-Greċja, bħalissa mhux qed jiftħu, filwaqt li hemm il-limiti imposti fuq il-flus li persuna tista’ tiġbed mill-cash points.

Iżda filwaqt li l-attivitajiet taż-żewġ kampijiet huma intensivi, xorta hemm iċ-ċans li r-Referendum ikun pospost. Dan hekk kif il-Kunsill tal-Istat, li hu l-ogħla Qorti tal-Greċja, mistenni jiddeċiedi dwar il-legalità tal-vot tal-Ħadd u jekk dan imurx kontra l-Kostituzzjoni.