Lokali

Ikomplu l-ilmenti dwar it-trasport pubbliku

Konna mwegħdin li bis-sistema ta’ Tal-Linja Card, is-sistema tat-trasport pubbliku se ssir aktar effiċjenti. Dan peress li dawk li jużaw il-karozzi tal-linja mhux se jkollhom bżonn jistennew sakemm jixtru l-biljett minn fuq tal-linja.

Iżda jirriżulta li hekk kif l-Erbgħa li għadda bdiet titħaddem il-Card, hemm nies li għadhom ma rċievewhiex, oħrajn mhix taħdmilhom sew u qed jispiċċaw iħallsu żewġ ewro għal kull vjaġġ, filwaqt li hemm anke min qed jibgħatuh minn post għall-ieħor biex jirreġistra għall-card.

Fit-tielet jum mill-bidu ta’ din il-card, Malta Right Now reġa’ mar fil-Venda tal-Belt u staqsa lil uħud li kienu hemm x’jaħsbu dwar TalLinja Card. Staqsejna lin-nies ukoll x’jaħsbu dwar is-sistema tat-trasport pubbliku inġenerali.

Sadanittant, matul dawn it-tlett ijiem, kienu ħafna dawk li baqgħu jagħmlu kuntatt mal-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna biex jgħidulna l-esperjenza tagħhom. Fost oħrajn, mara li ċemplet biex tgħidilna kif it-tifla tagħha, li hi studenta, mhux dejjem qed taħdmilha l-card. Qalet li wara dawk il-ħafna wegħdi li saru, kienet tistenna li s-sistema tkun aħjar, aktar u aktar meta l-Gvern kien qabbel Tal-Linja Card mal-Oyster Card ta’ Londra.

Mara oħra li kkuntattjatna rrakkontat l-esperjenza tagħha dwar kif qed jibgħatuha minn post għall-ieħor biex tirreġistra għall-card, meta hi kienet diġà applikat għaliha. Dan il-kaos qed iwassal biex il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi jiġi ffaċċjat ukoll minn uħud mix-xufiera biex jispjegawlu minn xhiex għaddejjin.

Tistghu ssegwu l-kummenti f’dan il-filmat.