Internazzjonali

Jiżvelaw il-qtil ta’ terrorista tal-ISIS fis-Sirja

Kelliema militari tal-Istati Uniti qalu li membru ewlieni tal-grupp ISIS spiċċa maqtul ix-xahar li għadda waqt attakk bid-drones fuq inħawi speċifiċi tas-Sirja.

Jingħad li l-ġiħadista inkwistjoni, Tariq bin al-Tahar bin al-Falih al-Awni al-Harzi, kien responsabbli għall-koordinazzjoni tal-isplużjonijiet tal-bombi mit-terroristi suwiċida fl-Iraq kif ukoll għat-trasport tal-armamenti mil-Libja lejn is-Sirja.

Id-drone li jingħad li qatlu kien tal-qawwiet Amerikani, u l-Istati Uniti, qabel, offriet premju ta’ $3 miljun għall-eliminazzjoni tal-ġiħadista magħruf bħala ‘l-emir tal-aggressuri suwiċida’. Id-Dipartiment tat-Teżor Amerikan kien poġġa lil al-Harzi fuq il-lista tas-sanzjonijiet bħala ‘terrorista ta’ livell globali’.

L-ISIS ma kkummentax dwar l-aħħar rapporti rigward al-Harzi, li qed jingħad li nqatel fil-belt Sirjana ta’ Shaddadi, fis-16 ta’ Ġunju li għadda.