Internazzjonali

Kelb il-baħar joħloq paniku f’bajja ta’ Kent

Id-dehra ta’ kelb il-baħar fl-ibħra ‘l hinn mill-kosta ta’ Kent, fl-Ingilterra, ħolqot paniku enormi f’waħda mill-aktar ġranet sħan tas-sena.

Iżda minkejja t-twerwir u l-konfużjoni, il-kelb il-baħar ftit wera interess fin-nies li kienu qed jgħumu fl-inħawi u baqa’ għaddej, bil-mod, minn quddiem il-bajja qabel ħareġ ‘il barra.

Intant, il-kelb il-baħar kien l-aħħar ħaġa li n-nies stennew li jaraw, b’mara li kienet fl-inħawi tibgħat messaġġ fuq Twitter fejn qalet li hi ‘qatt ma ħolmot li kellha tara l-jum meta kulħadd ‘itir’ mill-baħar għaliex feġġet ħuta enormi fil-Bajja ta’ Herne’.

Fil-fatt, l-għawwiema ma setgħux joħroġu ‘malajr biżżejjed’ mill-baħar wara li x-xewka tal-kelb il-baħar deher ħiereġ mill-mewġ, ftit ‘il hinn mix-xatt. Il-kelma mxiet bħal leħħa ta’ berqa mal-beachfront u f’daqqa waħda kien hemm moviment sħiħ ta’ nies jiġru ‘l bogħod mill-periklu, bil-ġenituri jaħtfu lill-uliedhom ċkejknin li sa ftit qabel kienu qed jilgħabu fil-baħar baxx. Dan waqt li nġabru l-folol tan-nies fuq ix-xatt fejn setgħu jsegwu l-movimenti tal-kelb il-baħar li baqa’ għaddej direttament minn quddiemhom u ‘l hinn miz-zona.