Biex inkunu kompetittivi ekonomikament irridu nħarsu u nkunu kompetittivi ambjentalment
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, appella għall-kuraġġ tal-Gvern li jgħid le għal proġetti li jħallu impatt tajjeb ekonomiku iżda impatt negattiv fuq l-ambjent.
Fid-dibattitu fil-Parlament dwar dak li qed jipproponi l-Gvern fil-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp, l-iSPED, Mario de Marco qal li l-pjan li qed jipproponi l-Gvern aktar sfortunatament jitfa’ enfasi fuq l-iżvilupp milli fuq l-ambjent.
Mario de Marco saħaq li biex inkunu kompetittivi ekonomikament, irridu nħarsu u nkunu kompetittivi ambjentalment. Irridu naħsbu b’moħħ ambjentali u nieħdu deċiżjonijiet li jagħmlu sens għall-ambjent.
Semma li l-but u l-ekonomija saru jiddependu ħafna fuq il-frekwenza ambjentali. Hu ovvju li l-pajjiż irid ikompli jikber ekonomikament biex inkomplu ninvestu fil-politika soċjali, fil-politika edukattiva u fil-politika ambjentali, iżda jkun żball li mmorru għal tkabbir ekonomiku akkost ta’ kollox. Dan hu l-bilanċ li mhux rifless biżżejjed fl-iSPED.
Inkunu umli biżżejjed biex nitgħallmu mill-passat u nagħrfu fejn wasal il-pajjiż
Irridu nkunu umli biżżejjed biex nitgħallmu mill-passat u nagħrfu fejn wasal il-pajjiż li kiber ekonomikament bħalma kibru s-setturi tat-turiżmu, tas-servizzi finanzjarji, u tal-manifattura, bil-Gvern jiftaħar ukoll li għandna fost lanqas rati ta’ qgħad fl-UE.
Staqsa għaliex qed ingawdu minn dan kollu, u għadna nħarsu lejn proġetti akkost tal-impatt ambjentali.
Mario de Marco saħaq li bl-iskuża tat-turiżmu m’għandniex niftħu l-kampanja għal żvilupp rurali, filwaqt li rrimarka li dan il-pajjiż għaddejna lkoll minn ħafna. Filwaqt li lkoll bħala pajjiż kburin bl-avvanz ekonomiku li kiseb pajjiżna, ilkoll ukoll nistgħu ngħidu li wasalna fejn wasalna askapitu tal-ambjent ta’ pajjiżna u li stajna nagħmlu l-affarijiet aħjar.
Għalhekk irridu nitgħallmu mill-iżbalji tal-pajjiż u ma nirrepetux żbalji meta d-densità tal-poplolazzjoni hi għolja u għandna waħda mill-aktar kampanji ċkejkna fl-Ewropa. Irridu naraw fejn hi llum il-kuxjenza tagħna ambjentali u ma nibqgħux nargumentaw biex nibnu akkost ta’ kollox, inkluż issa li jsir bini wkoll fuq il-baħar.
Dokument li hu gwida mibni aktar mix-xewqa li jkun hawn aktar bini milli jkun imħares l-ambjent
Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament appella għar-responsabbiltà li nħarsu ‘l quddiem lejn il-futur tal-ġenerazzjonijiet futuri u mhux biex xi gvern ikun popolari bl-iskuża tal-iżvilupp ekonomiku.
Ikkritika lill-Gvern li l-iSPED, bil-mod kif hu magħmul, qed jissimplifika żżejjed l-affarijiet, bl-isfida ewlenija tibqa’ kif dan id-dokument għandu jkun wieħed integrat. Semma li hemm tħassib serju mill-għaqdiet ambjentali għaliex dan id-dokument hu gwida mibni aktar mix-xewqa li jkun hawn aktar bini milli jkun imħares l-ambjent.
Appella lill-Gvern iħalli lill-uffiċjali tal-MEPA jaħdmu u mhux iħalli lill-politiku jindaħal fil-ħidma tat-tekniċi fejn għandu x’jaqsam il-protezzjoni tal-ambjent u pjan strateġiku għall-ambjent u l-iżvilupp. Wissa li jkun żball jekk il-politiku jidħol flok it-tekniku, waqt li spjega li wisq jibża’ li llum hemm l-impront tal-politiku u anqas impront mill-persuna teknika.
Mario de Marco saħaq li pajjiżna m’għandu jkun bħal ebda pajjiż ieħor u rridu navvanzaw ekonomikament billi nipproteġu l-ibħra u l-kosta tagħna.
Dwar il-politika tal-Gvern għar-riklamazzjoni, Mario de Marco appella lill-Gvern jgħid fiex wasal fil-ħsieb tiegħu dwar l-expression of interests li ħarġu għar-riklamazzjoni.
Irrifera għall-ewwel messaġġ li għamel il-Prim Ministru wara r-referendum tal-kaċċa – dak li kien sema’ l-messaġġ tal-elettorat fir-referendum. Mario de Marco qal li dan il-messaġġ tal-Prim Ministru waqa’ fuq widnjen torox għaliex immedjatament wara, l-istess Prim Ministru ħareġ bil-proposta tal-iżvilupp f’Żonqor Point.
B’riferenza għall-kritika li qamet b’rabta ma’ żvilupp li sar ta’ skejjel f’zoni rurali, Mario de Marco fisser li dawn l-iskejjel kienu kruċjal għas-sistema edukattiva ta’ pajjiżna u saru wkoll fi żmien li l-kuxjenza ambjentali ma kinitx daqshekk b’saħħitha filwaqt li saħaq li rridu wkoll nitgħallmu mill-passat u jkollna l-kuraġġ li llum inħarsu z-zoni rurali.
L-iSPED qiegħed jiftaħ it-tieqa biex nerġgħu nirrevedu l-konfini tal-iżvilupp
Ikkritika lill-Gvern li l-iSPED qiegħed jiftaħ it-tieqa biex nerġgħu nirrevedu l-konfini tal-iżvilupp u biex jerġgħu jiġu estiżi l-konfini tal-iżvilupp. Sejjaħ dan l-eżerċizzju bħala perikoluż ħafna.
Appella li l-iSPED irid jitmexxa b’għaqal, b’kontroll u b’sensittività enormi filwaqt li ppropona li għandu jkun hemm inċentivi fiskali għal riġenerazzjoni ta’ zoni li ma jattirawx daqstant residenti u nidderieġu s-settur tal-kostruzzjoni lejn zoni abbbandunati.
Klawsoli fl-iSPED li jridu jitneħħew
Saħaq ukoll li jekk żvilupp ma jkunx jista’ jsir f’zoni mibnija, l-iżvilupp m’għandux isir f’zoni agrikoli hekk kif ingħaqad mal-appell li għamlet Din l-Art Ħelwa lill-Gvern biex jitneħħew żewġ klawsoli mill-iSPED li jgħidu li fejn ma jkunx hemm alternattivi oħra vijabbli fiż-Zona Urbana, jista’ jiġi permess żvilupp f’ODZ; u li proġetti meqjusa bħala ta’ natura sostenibbli wkoll jistgħu jiġu permessi f’inħawi li huma barra miz-zoni tal-iżvilupp bħala ‘last resort’ fejn ikun essenzjali biex jinkiseb żvilupp sostenibbli.
Dawn il-klawsoli, appella lill-Gvern il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, għandhom jinteħħew.
//= $special ?>