Ritratt : Astrid Vella, Flimkien għal Ambjent Aħjar
L-għaqdiet ambjentali qed jesiġu għar-riżenja mmedjata tal-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johan Buttigieg fuq il-bażi tar-rwol tiegħu fil-każ taż-Żonqor.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja, iċ-Chairperson ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar Astrid Vella, tkellmet f’isem l-għaqdiet ambjentali u qalet li minbarra l-kwistjoni kontroversjali taż-Żonqor, il-Kap Eżekutttiv tal-MEPA għandu jirriżenja wkoll fuq id-diversi policies li qed twettaq il-MEPA u li huma ta’ dannu għall-ambjent.
Astrid Vella qalet li minflok qed isservi ta’ regolatur u protettur tal-ambjent, il-MEPA qed tintuża biex l-ambjent ma jkunx protett. Filwaqt li sostnew fuq ir-riżenja tal-Kap Eżekuttiv tal-MEPA, l-għaqdiet ambjentali qalu li l-verità hi li Johan Buttigieg ma kellu jinħatar qatt Kap Eżekuttiv tal-MEPA. L-għaqdiet ambjentali sostnew li Buttigieg ma aġixxiex b’mod awtonomu kif kien obbligu tiegħu li jagħmel.
Bħala bażi għall-argumenti tagħhom l-għaqdiet ambjentali semmew ir-rapport tal-Adwitur Ġenerali dwar il-każ ta’ wasla tat-tiġijiet taħt ir-Rabat. Astrid Vella qalet li f’dan ir-rapport l-Awditur Ġenerali għamel kritika qawwija għall-MEPA u akkużaha b’falsità biex il-permess ikun approvat. Aktar minn hekk, l-Avukat Ġenerali kien ippropona wkoll li għandhom jittieħdu passi legali kontra l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA.
Iċ-Chairperson ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar Astrid Vella sostniet li l-Gvern Laburista uża lill-Kap Eżekuttiv tal-MEPA fil-każ tal-proposta għal żvilupp f’żona ‘l barra mill-pjan ta’ żvilupp fiż-Żonqor. Jirriżulta li l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA attenda għal-laqgħat man-naħa tal-Gvern minflok aġixxa ta’ regolatur, qalet Astrid Vella, li kompliet li, l-obbligu tal-Kap Eżekuttiv tal-MEPA hu li jservi ta’ regolatur mhux li jappoġġja lill-gvern.
L-ambjentalist Edward Mallia qal li kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li ċempel lill-Kap Eżekuttiv tal-MEPA u qallu biex jagħżillu tliet siti għall-Univeristà Amerikana f’Malta. Filwaqt li qal li l-Kap Eżekuttiv għandu jassumi r-responsabbiltà tiegħu għal dan, Edward Mallia sostna li anki l-Prim Ministru għandu responsabbiltà x’jassumi għaliex kien hu li ċempel lill-Kap Eżekuttiv tal-MEPA.
Dwar il-proposti tal-għaqdiet ambjentali għal post alternattiv flok iż-Żonqor, Astrid Vella qalet li din m’hix kwistjoni ta’ kompromess u pproponiet li l-għaqdiet ambjentali jemmnu li l-aħjar għażla għandha tkun il-Fortizza ta’ Ricasoli.
Astrid Vella qalet li l-Forti ta’ Ricasoli għandha bżonn intervent immedjat ta’ restawr u għalhekk permezz ta’ dan il-proġett dan ir-restawr jista’ jsir fl-istess waqt li jsir l-investiment tal-università proposta. Proposti oħra tal-ambjentalisti għall-università huma fil-Forti Santu Rokku u fil-Forti tas-Salvatur.
Ritratt : L-ambjentalis Edward Mallia
//= $special ?>