Internazzjonali

Rekord dinji minn ajruplan uniku

L-iskwadra li qed tivvjaġġa madwar id-dinja b’tip ta’ ajruplan li jieħu l-enerġija tiegħu mix-xemx waqqfet rekord dinji ġdid għall-itwal solo flight mingħajr waqfien. Dan wara li l-ajruplan qasam il-Paċifiku, mill-Ġappun, lejn l-Istat Amerikan tal-Hawaii.
Is-solo record oriġinali kien twaqqaf fl-2006 mill-avventurista Amerikan, Steve Fossett.

Intant, l-ajruplan sperimentali bl-isem Solar Impulse din id-darba baqa’ jtir għal tlett ijiem u tliet iljieli konsekuttivi biex waqqaf ir-rekord il-ġdid. F’dan il-każ, hu sar l-ewwel ajruplan li baqa’ jivvjaġġa mingħajr fuel billejl u binnhar u li seta’ jieħu spinta biss mill-enerġija tax-xemx.

Il-parti li jmiss tal-vjaġġ tas-Solar Impulse li għandu jkopri mal-35,000 kilometru kellha ssir minn Honolulu lejn Phoenix, fl-Istati Uniti. Imbagħad l-ajruplan irid itir minn fuq l-Oċean Atlantiku waqt vjaġġ lejn Abu Dhabi.