Internazzjonali

Al-Sisi iżur il-peniżola Sinai wara mewġa ta’ attakki mill-ISIS

Il-President tal-Eġittu, Abdel Fattah al-Sisi, żar il-Peniżola ta’ Sinai biex iqawwi qalb it-truppi tiegħu li huma stazzjonati fl-inħawi wara li huma, fl-aħħar jiem, irreżistew mewġa ta’ attakki mill-ġiħadisti tal-ISIS.

Talanqas 17 il-suldat Eġizzjan u ‘l fuq minn 100 ġiħadist tal-ISIS kienu tilfu ħajjithom fost sensiela ta’ battalji li żbruffaw fit-Tramuntana tas-Sinai min-nhar l-Erbgħa ‘l hawn. Il-ġlied kien xprunat minn offensiva koordinata mill -ISIS fuq il-belt ta’ Sheikh Zuweid.

Fl-aħħar sigħat grupp ta’ ġiħadisti li hu affiljat mal-ISIS qal li spara tlett missili għal ġo Iżrael minn pożizzjonijiet fil-peniżola ta’ Sinai. Tnejn mill-missili, tat-tip ‘Grad’, niżlu fin-Nofsinar tal-Iżrael fejn ma rriżultaw l-ebda mejtin jew midruba. L-alleati tal-ISIS isejħu lilhom infushom ‘Provinċja ta’ Sinai’ u qalu li wettqu dan l-attakk biex jirritaljaw għall-appoġġ tal-Iżraeljani lill-Armata tal-Eġittu.