Minkejja l-wegħda fil-baġit tal-2012 li se jinbnew faċilitajiet sportivi biswit l-iskola sekondarja ta’ Santa Venera, jirriżulta li dan il-proġett qed ikun iffaċċat minn diversi problemi li qed iżommuh milli jitwettaq.
Fl-2012 il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada kienet inkludiet dan il-progett bħala parti minn proġett ikbar li fih kien jinkludi ristrutturar tal-iskola eżistenti u l-bini ta’ skola oħra biswit. Kien sar ukoll ftehim mal-Malta Football Association biex jiffinanzjaw terz mill-ispejjez kollha tal-proġett.
Fl-aħħar snin l-MFA imbarkat fuq diversi proġetti ta’ finanzjament tal-grounds f’diversi lokalitajiet biex b’hekk kważi kull club tal-football Maltin llum għandu ground bil-ħaxix artifiċjali.
Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada kienet fasslet id-disinn tal-ground u l-istand u anke ddiskutiethom mal-MFA. Fil-fatt, St Venera Lightnings Football Club anke kellhom laqghat mal-MFA rigward il-finanzjament tal-proġett.
Wara diversi ostakli, fosthom trasferimenti tat-titli tal-artijiet mid-Dipartiment tal-Artijiet u anke kritika u oġġezzjonijiet min-naħa tal-Għaqda tan-Nar tal-lokal, l-FTS ħarget anki l-offerti għax-xogħlijiet.
Mal-Għaqda tan-Nar laqgha fuq il-post, li għaliha kienu preżenti rappreżentanti tal-FTS. Dan biex tinstab alternattiva għall-ħruq tan-nar fil-festa ta’ Santa Venera mingħajr ma jixxekkel il-proġett.
Gvern Nazzjonalista ried jinvesti f’faċilitajiet sportivi biex jintużaw mir-residenti ta’ Santa Venera għaliex kien konxju li preżentement dawn ma jeżistux fil-lokalità ta’ Santa Venera u dan b’detriment għall-għaqdiet u effettivament għar-residenti ta’ Santa Venera.
Dan ried jagħmlu wara li kien diġà daħal fi ftehim u ffinanzja l-bini tal-ħajt tad-dawra tal-ground tal-Istitut ta’ San Gużepp u l-bdil tal-art tal-istess ground, liema ftehim kien sar bejn l-istess Gvern, il-Knisja u St Venera LFC.
Residenti li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com sostnew li hi ħasra li kif tela’ Gvern Laburista, twaqqaf il-proġett għal diversi ġimgħat. Dan wassal għall-fatt li l-proġett għadu ma tlestiex, b’detriment għal tfal u żgħażagħ Vendriżi li għandhom bżonn jagħmlu użu minnu.
Minn mistoqsijiet parlamentari li saru mid-Deputat Nazzjonalista. Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar, sar maghruf li l-Gvern issa qed jeskludi wkoll l-għajnuna finanzjarja min-naħa tal-MFA. Dan se jwassal għal spejjeż akbar min-naħa tal-Gvern biex jitlesta l-proġett.
//= $special ?>