Lokali

Ħatra oħra ‘Tagħna Lkoll’ fl-Armata

Ħafna jiftakru l-progressjoni fenomenali tal-karriera ta’ Jeffrey Curmi, li ħa erba’ promozzjonijiet f’daqstant ġimgħat biex tlaħħaq Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Iżda fejn il-Brigadier Curmi tela’ minn rank għal ieħor fl-Armata f’temp ta’ ftit jiem, issa qed ifeġġu każi fejn fil-promozzjonijiet għal tal-qalba saħanistra qed jinqabżu r-ranks.

Hekk ġara fil-każ ta’ Josette Agius, li minn ‘Lance Bombardier’ qabżet ir-rank ta’ ‘Bombardier’ u iktar kmieni din il-ġimgħa ġiet promossa għal ‘Sergeant’. Din hija xi ħaga li prattikament qatt ma tiġri fil-Forzi Armati ta’ Malta.

Fil-Forzi Armati ta’ Malta hemm dik li hi magħrufa bħala s-sistema ta’ ranks militari – sistema ta’ ġerarkija organizzata skont linji tal-militar.

Kull uniformi jkollha fuqha dik li tissejjaħ ir-‘rank insignia’ li timmarka f’liema rank ikun dak l-uffiċjal. Minbarra l-aspetti ta’ loġistika, kmand u koordinazzjoni, din is-sistema tirrikonoxxi, minn isfel għal fuq, il-ġerarkija tal-kmand fost is-suldati tal-Armata.

Issa Josette Agius, li sa ftit ilu kienet tilbes uniformi tat-tieni l-inqas rank fl-Armata – dik ta’ Lance Bombardier li hu t-tieni grad wara dak ta’ Gunner – se tibda tilbes l-uniformi ta’ Sergeant u l-‘insignia’ ta’ Bumbardier mhi se tkun libsitha fl-ebda ħin tul il-karriera tagħha fl-AFM. Wara r-rank ta’ Sergeant fl-Armata jiġi dak ta’ Staff Sergeant.

Minn hemm ’il fuq imbagħad jibdew dawk li jissejħu r-ranks tal-Warrant Officers, u eventwalment tasal it-tielet kategorija ta’ ranks li tinkludi lill-uffiċjali, bħalma huma l-karigi ta’ Logutenent, Kaptan, Maġġur, Kurunell u eventwalment Brigadier.

Josette Agius hi magħrufa sew għall-affiljazzjoni politika tagħha u hija waħda min-nies meqjusin bħala “Tagħna Lkoll”.

Agħar minn hekk, Agius kienet diġà taf li ħadet il-promozzjoni qabel din tħabbret uffiċjalment, tant li fuq il-paġna tagħha tal-Facebook tefgħet post li laħqet Surġent fil-Forzi Armati ta’ Malta.

Dan il-kumment ippubblikatu l-Erbgħa meta l-Avviż tal-Promozzjonijiet ħareġ matul il-ġurnata l-Ħamis.