Aġġornata
Li ssir parti biss tal-Universita’ fiż-Żonqor mhuwiex kompromess
Il-ftehim li l-Gvern għamel mal-Ġordaniżi dwar il-bini tal-Universita’ Amerikana fiż-Żonqor għandu jkun ippubblikat qabel il-Parlament jagħlaq għall-vaganzi tas-sajf.
Kien dan il-messaġġ tal-Front Ħarsien ODZ f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta, li matula ntqal li l-ftehim għandu jiġi ppubblikat minnufih sabiex b’hekk tkun tista’ ssir diskussjoni wiegħsa u trasparenti fl-għola istituzzjoni tal-pajjiż. Jekk ma jsirx hekk, ikun ċar li l-Gvern għandu l-intenzjoni li jibqa’ għaddej matuli s-sajf bil-proċess tal-iżvilupp fuq iż-Żonqor li tinsab barra miż-żona tal-iżvilupp, u għalekk jevita l-iskrutinju tal-Parlament, tenna l-Front.
Fost il-kelliema waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet Reuben Zammit, resident f’Wied il-Għajn. Hu qal li l-Front qed iġedded l-appell biex il-Gvern jippubblika l-ftehim. Saħaq li l-poplu kien qed jistenna bidla fil-mentalita’ b’Gvern li kellu jkun trasparenti, madanakollu kollox baqa’ fil-ħabi.
Waqt edizzjoni tal-programm Xarabank li matulu kien diskuss dan il-proġett, id-Deputat Laburista Deborah Schembri kienet irrifjutat li tgħid jekk dan il-kuntratt hux se jiġi diskuss fil-Parlament qabel jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf. Anke aktar kmieni waqt l-akbar protesta ambjentali li saret f’Malta kien sar appell biex il-ftehim ikun pubblikat qabel il-vaganzi tas-sajf. Dan hekk kif il-Parlament mistenni jaġġorna għall-vaganzi aktar tard dan ix-xahar.
Min-naħa tiegħu James Debono, li wkoll indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, qal li bl-istess mod kif il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA kellu aċċess għall-ftehim, daqstant ieħor il-Parlament, l-għola istituzzjoni tal-pajjiż, għandu jkollu aċċess għal dan il-ftehim.
Dwar il-kummenti tal-Prim Ministru fl-aħħar jiem li l-Gvern qed jikkunsidra jibni biss parti mill-Universita’ fiż-Żonqor, il-Front Ħarsien ODZ li għall-Front dan mhux kompromess għax iż-żona taż-Żonqor għandha tkun żona riservata biss ghal park naturali. Il-Front saħaq li tkun assolutist u żbilanċjat jekk iż-Żonqor, li hi zona barra mill-iżviluppp, tiġi żviluppata hekk kif din iż-żona diġa tinsab immarkata bħala park naturali.
Il-Front Ħarsien ODZ temm jgħid li l-Gvern għandu jiddiskuti b’mod trasparenti u mhux jippolitiċizza s-sajf.
//= $special ?>