Il-Greċja tinsab ftit sigħat ‘il bogħod minn referendum ta’ potenzjal storiku li jista’ jiddeċiedi d-destin tagħha bħala membru taz-zona ewro u tal-Unjoni Ewropea.
Matul il-lejl tal-Ġimgħa, għexieren tal-eluf ta’ Griegi attendew għal rallies li kienu organizzati f’Ateni mill-kampijiet rivali. Dan meta għada, il-poplu tal-Greċja jrid jgħid iva jew le għall-kundizzjonijiet tal-bailout għal pajjiżhom li huma stabbiliti mill-kredituri internazzjonali.
Il-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, ingħata merħba kbira mill-folol li attendew rally fil-kapitali li kien organizzat mill-kamp li ma jridx jaċċetta l-kundizzjonijiet għall-bailout. F’diskors li għamel, Tsipras qal lin-nies preżenti biex huma jesprimu dan is-sentiment permezz ta’ vot ċar u li jwassal messaġġ konkret anki ‘il hinn mill-Greċja .
Fl-istess ħin, folla kbira oħra ta’ Griegi preżenti għal rally organizzat minn kamp rivali wasslet il-messaġġ li l-Greċja tista’ tispiċċa mill-Unjoni Ewropea f’każ li tivvota ‘le’ għat-termini tal-bailout.
Saru wkoll rallies oħra taż-żewġ kampijiet f’għaxar bliet oħra tal-Greċja.
Aktar qabel, qorti fil-Greċja kienet ċaħdet sfida għal-legalita tar-referendum u ddeċidiet li l-vot ta’ għada għandu jimxi skont il-pjan.
Il-programm attwali għall-bailout tal-Greċja laħaq skada nhar it-Tlieta, bil-banek f’dan il-pajjiż jibqgħu magħluqin. Fl-istess ħin baqgħu effettivi l-limiti għall-ammonti tal-flus li l-Griegi jistgħu jieħdu mill-cash machines. Filwaqt li s-sitwazzjoni fil-Greċja qed issir aktar taħraq, ħadd ma jista’ jkun ċert jekk il-banek jistgħux jiftħu mill-ġimgħa d-dieħla bħalma wiegħed il-Gvern ta’ Tsipras.
L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni jissuġġerixxi li l-vot ta’ għada fil-Greċja jista’ jmur kull naħa, meta l-Griegi li jridu jivvutaw favur il-kundizzjonijiet tal-bailout huma stabbiliti mal-44 fil-mija waqt li 43 fil-mija tal-poplu huma kontra.
Kienu pprojbiti li joħorġu aktar stħarriġ ta’ opinjoni inkella li jsiru aktar rallies fi żmien 24 siegħa qabel jiftħu l-postijiet tal-votazzjoni fil-Greċja.
//= $special ?>