Iż-żagħżugħ Ungeriż Jack Daboma, li l-Erbgħa li għadda safa’ attakkat minn mara, li beżqitlu għal iktar minn darba u saħansitra lagħbitlu daqqa ta’ ħarta, għadu dispjaċut għal dak li seħħ, imma fl-istess ħin jittama li l-esperjenza li għadda minnha sservi biex titqajjem kuxjenza dwar il-problema tar-razziżmu f’Malta.
F’intervista lil dan is-sit, Jack jispjega d-dispjaċir tiegħu għall-mod kif ġie trattat mill-mara, minn dawk preżenti li bdew jifirħu u jċapċpu għax ġie arrestat, imma wkoll il-Pulizija li arrestawh bil-forza minkejja li kien innoċenti.
“Wara l-inċident mort ix-xogħol, imma filgħaxija meta bdejt niftakar f’dak li seħħ ma stajtx nieqaf nibki. Bkejt sakemm irqadt, imma dak li għaddejt minnu ma nistax ninsieh,” spjega Daboma stess.
Jiftakar li l-ħin kollu beda jistaqsi lilu nnifsu jekk dak li għadda minnu kienx seħħ verament. Ma kinitx faċli lanqas għal familtu. “It-tfal ftit li xejn jitkellmu dwar dak li ġara, imma ninduna li affettwahhom. Fortunatament ma rawx l-inċident u l-arrest iseħħ, imma r-reazzjoni u l-emozzjoni li kelli jien wara naf ċert li ħassewhom.”
“Ir-rispons li rċivejt mingħand mijiet ta’ Maltin għenni biex il-ferita tittaffa,” spjega Daboma, li fuq Facebook qal li dan l-inċident wassal biex illum għandu ħafna ħbieb ġodda Maltin.
//= $special ?>

