Lokali

Intervista: “Kien biss uffiċjal wieħed li skuża ruħu, sigħat wara l-inċident” – Daboma Jack

Il-kummenti li l-Ispettur Sandro Camilleri, President tal-union tal-Pulizija, ta lil ġurnali lokali jiftħu mill-ġdid il-ferita tal-Ungeriż Jack Daboma, li l-Erbgħa li għadda safa’ vittma ta’ attakk razzjali minn mara Maltija, u arrestat innoċentament mill-Pulizija.

F’intervista ma’ The Malta Independent, Camilleri saħaq li l-Pulizija ma użawx forza eċċessiva waqt l-arrest, anzi żammewlu rasu biex ma jaħbatx mal-art, u żewġ uffiċjali tal-RIU niżżluh fl-art bil-galbu. Kompla li l-Ungeriż dam biss 4 minuti u 40 sekonda arrestat qabel inħeles għaliex kien innoċenti.

Imma f’kummenti lil dan is-sit, Jack sostna li hu nnoċenti u vittma f’din l-istorja. Anke’ sekonda taħt arrest hi żejda għal persuna innoċenti. “Jiddispjaċini, jiddispjaċini ħafna nisma’ kummenti bħal dawn, għaliex il-filmati jitkellmu waħedhom” spjega b’dieqa Daboma.

Ikkontesta wkoll il-fatt li ma ntużatx il-forza. Anzi qal li sofra minn uġiegħ f’daru għaliex wieħed mill-uffiċjali żammu fl-art billi poġġa rkopptu fuq daru.

Imma fuq kollox id-dispjaċir ta’ Jack hu li l-Pulizija ma jridux jammettu l-iżball u kien biss uffiċjali wieħed, sigħat wara l-inċident, li talbu skuża. “Trid kuraġġ biex tammetti li sar żball, li dak li seħħ ma kienx ġust. Meta tammetti u tgħidha fil-pubbliku, tkun qed turi li kapaċi tagħmel differenza, u l-poplu jsegwik u japprezza.”

Fuq kollox jiftakar li rraporta għal iktar minn darba lil Pulizija li kien preżenti li kien hemm mara qed tobżoqlu. Li kieku dan il-Pulizija ħa azzjoni, dak kollu li nqala’ ma kienx iseħħ. Lanqas dawk preżenti ma kellhom il-kuraġġ li jieqfu għal dawn il-ġesti.

Agħar minn hekk kien hemm min feraħ u ċapċap meta bniedem innoċenti kien qed jiġi arrestat. “Sa llum kif niftakar f’dak il-mument nidħaq, għaliex kienet xi ħaġa surreali. Ma stajtx nemmen dak li kien qed iseħħ taħt għajnejja,” jgħid b’dispjaċir Daboma, li jiftakar ukoll il-biża’ fost persuni oħra ta’ ġilda skura li xtaqu jgħinu imma ma għamlu xejn frott il-biża’.

“Jekk ikun hemm kumpens finanzjarju, ngħaddih għall-karita’”

Wara dak li għadda minnu, Jack ma jeskludix li jieħu azzjoni legali, minkejja li ħafer lill-mara li attakkatu. Jixtieq jagħmel dan biex fil-futur il-każ tiegħu jkun riferenza legali għal każi simili. Fl-intervista jagħmilha ċara li minn dan l-episodju ma jrid jiggwadanja xejn, ħlief li jara bidla fil-mentalita’. Tant hu hekk li jekk jirċievi kumpens finanzjarju, dan se jmur għall-karita’ għal persuni f’Malta li qed isofru.

“Nemmen li għandu jkun hemm konvenzjoni għaż-żgħażagħ u skambju taż-żgħżagħ biex jitgħallmu jaċċettaw kulturi differenti imma wkoll biex il-kultura’ Maltija tkun tista’ tinqasam fuq livell internazzjonali,” spjega Daboma.

Jgħid li t-tama tiegħu hi li fid-dinja nitgħallmu nuru mħabba u nkunu ġentili lejn xulxin, nagħmlu lil ħaddieħor dak li nixtiequ li ħaddieħor jagħmel lilna.

Ix-xewqa tiegħu ġejja wkoll mill-fatt li ta’ spiss għadda minn episodji fejn kien diskriminat minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu. Li kieku dakinhar ma kienx hemm il-midja preżenti, u xi Maltin li qabżu għalih, jaf Jack Daboma għadu arrestat.

Imma minkejja kollox jagħmilha ċara, li m’għandu xejn kontra l-Maltin. “Tkun fejn tkun se ssib nies ħżiena u oħrajn tajbin. Li nistgħu nagħmlu aħna hu li naqbdu t-tuffieħa tajba u ma nħalluhiex tħassar it-tuffieħ l-ieħor,” temm jgħid Daboma.