Lokali

“Jekk titnaqqar il-fiduċja fil-pulizija jkun mhedded il-buon ordni” – L-Avukat Roberto Montalto

Hadd qatt ma jista’ joħlom li investigatur ikun fin-negozju ma’ qarib ta’ familja li hi involuta fl-istess investigazzjoni.

Sostna dan Roberto Montalto, Avukat li jispeċjalizza fil-liġi kriminali waqt il-programm Il-Fatt li xxandar ilbieraħ fuq Net Television, b’referenza għall-inkjesta dwar ir-rabtiet ta’ negozju bejn l-eks Spettur Daniel Zammit u l-familja Gaffarena. Hu qal li jekk naċċettaw dawn l-affarijiet, l-istandards ta’ x’inhu aċċettabbli ikunu missew ‘il qiegħ u m’hemmx fejn tmur iktar.

Roberto Montalto fakkar li l-pulizija u l-Forzi Armati huma l-branka eżekuttiva tal-Istat li huma inkarigati li jżommu l-buon ordni. Għaldaqstant, m’għandhomx jitħallew isiru affarijiet li jnaqqru l-fiduċja pubblika f’dawn l-entitajiet għaliex meta titnaqqar il-fiduċja, ikun mhedded il-buon ordni.

L-Avukat Montalto qal li hu inkwetanti li jidher li ma hemmx mekkaniżmu, la fil-Korp tal-Pulizija u lanqas fil-Ministeru tal-Intern, biex każi potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess jiġu għall-attenzjoni tagħhom. Hu sostna li uffiċjal pubbliku hu uffiċjal pubbliku il-ħin kollu.