Lokali

Kollox bil-lest għall-isfida tad-Daikin Alive 2015 Cycling Challenge

Bejn id-9 u t-18 ta’ Lulju grupp ta’ ċiklisti Maltin għandhom sfida xejn faċli li jaqdfu 1,000 kilometru f’sebat’ijiem fl-edizzjoni ta’ din is-sena tad-Daikin Alive 2015 Cycling Challenge for Cancer.

Ir-rotta, li fil-parti l-kbira tagħha hi qalb il-muntanji, se tara liċ-ċiklisti jaqsmu mil-Liechtenstein għall-Iżvizzera, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Belġju, Franza u finalment l-Ingilterra meta ċ-ċiklisti jaslu f’Sutton.

It-tappa finali hi waħda simbolika hekk kif Sutton hu l-post li jilqa’ lill-Maltin li jitilgħu l-Ingilterra għall-kura. Propju dan hu l-għan taċ-ċiklisti Maltin, li jiġbru l-flus għat-trattament u r-riċerka tal-kanċer.

F’kummenti ma’ MaltaRightNow.com Nicky Camilleri spjega li ċ-ċiklisti għandhom għadma iebsa. Huwa ammetta li kien hemm mumenti fejn beda jaqta’ qalbu, anke’ minħabba injury li sofra. Finalment wiegħed li ċ-ċiklisti se jagħmlu l-almu kollu tagħhom u finalment jirnexxu.

Min jixtieq jgħin liċ-ċiklisti jiġbru somma flus li tmur għar-riċerka fit-trattament tal-kanċer jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu online fuq alivecharity.com