Lokali Saħħa

L-MUMN tappella lil gvern biex japprova l-fondi

Il-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) fi stqarrija appellat lill-Ministeru tal-Finanzi sabiex japprova l-fondi kollha neċċessarji biex jiġu impjegati n-nurses. Waqt laqgħa li din il-Union kellha din il-ġimgħa fid-Dipartiment tas-Saħħa saħqet li ġiet nfurmata li m’hemmx fondi approvati sabiex jiġu impjegati kemm nurses ġodda, li jkunu għadhom kemm gradwaw mill-Universita’, nurses li jiddeċiedu li jirritornaw lura fl-impjieg kif ukoll nurses barannin.

L-MUMN qalet li ma tistax tifhem kif il-Gvern qiegħed iħabbar investimenti u proġetti marbuta mall-qasam tas-saħħa u fl-istess waqt qiegħed iżomm lura sabiex jalloka fondi biex jiġu ingaġġati nurses fid-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll fid-Dipartiment ta’ l-Anzjani u Servizzi fil-Kommunita’.

L-MUMN qalet li f’pajjizna hawn nuqqas kbir ta’ nurses u dan in-nuqqas ser ikompli jiżdied b’mod sostanzjali fil-mument li jidħlu fis-seħħ il-proġetti msemmija fl-Isptar San Luqa u fl-Isptar Ġenerali f’Għawdex. Huwa fatt inaċċettabli li mhux qed jiġu approvati l-fondi neċċessarji sabiex in-numru ta’ nurses f’pajjiżna jiżdied saħqet il-union.

L-MUMN appellat lill-Prim Ministru sabiex jintervjeni f’din is-sitwazzjoni xejn pjaċevoli u jawtorizza lill-Ministru tal-Finanzi sabiex jalloka dawk il-fondi kollha meħtieġa fejn jirrigwarda reklutaġġ u impjieg ta’ nurses mas-servizz pubbliku bil-għan li l-ewwel nett jittaffa n-nuqqas ta’ nurses li hawn f’pajjiżna u fl-istess waqt nibdew nippreparaw għal waqt li jidħlu fis-seħħ il-proġetti ġodda fil-qasam tas-saħħa.