Lokali

Rekluti ġodda fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Rekluti ġodda fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Dipartiment ċentrali b’ħidma u impenn fil-komunita.

Ħidma qawwija u kontinwa li tikber fis-sajf. Jirriżulta li fl-2014 il-membri tal-Protezzjoni Ċivili issejħu fuq 5,000 każ waqt li s’issa fl-2015 kienu rappurtati 800 każ lid-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Awwissu hu l-aktar xahar li fih jiġu rappurati każi, tant li fl-2014 tul Awwissu kienu rappurtati 700 każ lid-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bir-rekluti l-ġodda, in-numru ta’ impjegati issa tela’ għal 180.

Ir-rekluti l-ġodda ingħataw il-ġurament u ċ-ċertifikati tal-ħatra waqt parata li saret fil-kwartieri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far u li għaliha attendew il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela u l-Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili John Rizzo. Dan flimkien mal-ġenituri ta-rekluti l-ġodda li attendew għall-okkażjoni u segwew lil uliehdom, żwieġhom jew familjari tagħhom waqt din il-ġurnata importanti fil-karriera tagħhom.

Fi żjara li għamel, il-Ministru Carmela Abela qal li filwaqt li l-poplu Malti japprezza l-ħidma kbira u dedikata ta’ dawn l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, appella biex ma jkun hemm ħadd mill-pubbliku li jfixkel il-ħidma dedikata tal-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili.

Il-Ministru tal-Intern tkellem dwar l-investiment li qed jitwettaq fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u qal li l-investiment jinkludi 8 miljun Ewro f’vetturi ġodda, investiment ta’ 1.5 miljun Ewro f’10 fire engines u investiment ta’ 234,000 Ewro fir-radjijiet.

Dan flimkien ma’ investiment fl-ilbies protettiv u fis-sistema diġitali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Flimkien mal-Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili John Rizzo, il-Ministru Carmelo Abela qassam iċ-ċertifikati lil kull rekluta u rringrazzjahom tal-impenn tagħhom li jagħżlu li jkunu ta’ servizz għall-pubbliku u li jkunu fuq quddiem jikkumbattu l-perikli li l-pubbliku jgħaddi minnhom fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.