Lokali

Ritratt: Tkompli l-isfida bejn il-Gvern u l-artisti tal-graffiti taħt Bieb il-Bombi

Għar-raba’ darba, l-artisti tal-graffiti kitbu mill-ġdid il-messaġġ “The world is full of kings and queens that blind your eyes and steal your dreams.”

Dan minkejja li darba wara l-oħra ħaddiema tal-Gvern intbagħtu jnaddfu u jiżbgħu mill-ġdid dan il-ħajt.

4 ta’ Lulju: Il-graffiti b’messaġġ li nkiteb ma’ ħajt taħt Bieb il-Bombi reġa’ nkiteb mill-ġdid għat-tielet darba minkejja li tneħħa ripetutament minn ħaddiema tal-Gvern.

Din id darba fil-messaġġ hemm żball, meta min kiteb il-messaġġ, kiteb il-kelma ‘seal your dreams’ minflok ‘steal your dreams’.

Graffiti Furjana

12 ta’ Ġunju li għadda: Il-ħajt kollu ta’ taħt Bieb il-Bombi fil-Furjana issa ngħata kisja żebgħa bajda biex mhux biss tneħħiet is-swidija li kienet tikkaratterizzah imma wkoll graffiti li minkejja interventi li saru reġgħet inkitbet jumejn biss wara li tgħattiet.

L-intervent seħħ ilbieraħ meta kl-karreġġjata ta’ taħt Bieb il-Bombi ngħalqet għal kollox, fost l-oħrajn b’żewġ muturi tal-Pulizija, waqt li ħaddiema kienu qed jiżbgħu bl-abjad il-ħajt kollu.

Kollox beda meta graffiti li kienet saret is-sena li għaddiet faċċata tal-bus stop ta’ taħt Bieb il-Bombi, fil-Furjana, fl-aħħar jiem tgħattiet b’żebgħa bajda u tneħħiet għal kollox.

Il-graffiti kienet kitba b’messaġġ li jgħid: “The world is full of kings and queens that blind your eyes and steal your dreams.”Graffiti Furjana

Jumejn biss wara li dan is-sit ħabbar li l-graffiti fil-Furjana tgħattiet b’żebgħa bajda, persuna jew persuni mhux magħrufa kitbu mill-ġdid il-kliem “The world is full of kings and queens that blind your eyes and steal your dreams.”

Graffiti

It-tneħħija ta’ din il-graffiti qajmet reazzjoni negattiva minn ħafna. persuni li tkellmu magħna spjegaw kif dan il-ħajt kien sar attrazzjoni f’żona li sfortunatament hi magħrufa biss għat-traffiku u t-tniġġis tal-eluf ta’ karozzi li jgħaddu minnha.

Fuq Facebook, ir-ritratt tal-ħajt bi rqajja taż-żebgħa bajda li ntużat biex titgħatta l-graffiti, ġie deskritt minn numru ta’ żgħażagħ bħal “karta tal-eżami mimlija tippex.” Oħrajn komplew li biex tneħħa dak li ġie deskritt bħala vandaliżmu, sar vandaliżmu ieħor li iktar kerrah iż-żona.