Lokali

Għall-korruzzjoni qed iħallsu l-familji u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin

Il-poplu qed iħallas taxxa tal-korruzzjoni

Għall-korruzzjoni qed iħallsu l-familji u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Parti mit-taxxa li l-ħaddiema jħallsu qed tmur għall-korruzzjoni u l-każijiet ta’ skandli li qed ifeġġu kontinwament. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervent telefoniku dalgħodu fuq Radio 101.

Simon Busuttil qal li għall-korruzzjoni qed iħallsu l-ħaddiema Maltin u Għawdxi li Joseph Muscat tahom 58c biss, qed iħallsu għaliha l-pensjonanti li mhux ilaħħqu mal-pensjoni, u qed iħallsu wkoll dawk li jgħixu fis-social housing li Joseph Muscat għollielhom ir-rati tal-kiri b’mod esaġerat.

Hu sostna wkoll li anke t-tfal Maltin u Għawdxin li jmorru fi skejjel tal-Gvern qed iħallsu għal din il-korruzzjoni, għaliex il-prijorità ta’ Muscat ma kenitx li jibni skejjel ġodda, iżda li jagħti l-miljuni lil tal-Cafe’ Premier u lil Gaffarena. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-istudenti Maltin u Għawdxin ukoll qed iħallsu għad-deċizjonijiet tal-Gvern. “Mela t-tfal u ż-żgħażagħ jistudjaw, jagħmlu l-eżamijiet, jmorru l-MCAST jew l-Università biex isibu job tajjeb, imbagħad il-Gvern jaqbad u jagħmel in-neputi taċ-Chief of Staff ta’ Chris Cardona direttur u shareholder ta’ kumpanija,” qal Simon Busuttil.

Hu sostna wkoll li anke s-sidien tan-negozji qed iħallsu għall-korruzzjoni, għaliex filwaqt li n-negozji jaraw kif jagħmlu biex iħallsu t-taxxa, il-Gvern jagħti permessi lil Gaffarena għal-petrol station li hija llegali. Hu sostna li għal dawn l-iskandli kollha b’riħa tinten ta’ korruzzjoni, qed iħallas il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Dwar il-każ ta’ Ian Borg, il-Kap tal-Oppożizzjoni faħħar il-kuraġġ li wera individwu li talab lill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni biex tinvestiga l-aġir tas-Segretarju Parlamentari ta’ Muscat. Hu staqsa kif l-istess permess li applika għalih is-sid ta’ qabel xtara l-art Ian Borg ma ħariġx, filwaqt li għal Ian Borg ħareġ fi żmien qasir. “Għalija, l-liġi għandha tkun l-istess għal kulħadd, u m’għandu qatt ikun hemm trattament differenti. Dan hu każ ta’ two weights two measures,” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil qal li huwa ċar li n-nies bdew jixbgħu mill-iskandli u bdew iqumu u jitkellmu fid-dawl ta’ dan it-trattament differenzjali bejn nies ta’ Joseph Muscat u ċittadini normali Maltin u Għawdxin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella wkoll lill-BOV biex twieġeb u tagħti spjegazzjoni tal-aħbarijiet kollha li qed jiġu żvelati b’rabta ma’ deċiżjonijiet li l-istess istituzzjoni finanzjarja ħadet, fosthom dik żvelata minn The Malta Independent dwar self lill-Air Malta, kif ukoll id-deċiżjoni ta’ termination benefit ta’ €260,000 lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon. “Nipretendi li l-BOV iwieġeb għal dan l-aġir u jagħti spjegazzjoni lix-shareholders u lill-pubbliku Malti u Għawdxi,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Hawnhekk, hu rrefera wkoll għall-garanzija bankarja li daħal għaliha l-Gvern biex tkun tista’ tinbena l-Power Station il-ġdida tal-gass. Għal din ukoll, sostna Simon Busuttil, qed iħallas it-taxpayer Malti, biex tkun tista’ tinbena powerstation li Joseph Muscat rabat il-futur politiku tiegħu magħha.

Dwar l-iskandlu ‘Gaffarena-Kastilja-Zammit’, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat, wara ġimgħa jkaxkar saqajh, kellu jagħmel dak li ma jridx u sejjaħ biex issir inkjesta. “Din hija nkjesta importanti għaliex trid tinvestiga r-rabta bejn il-pulizija u l-kriminalità u r-rabta bejn il-pulizija u d-dinja tan-negozju,” qal Simon Busuttil. Hu spjega kif in-nies kollha involuti – jiġifieri l-familji Gaffarena u Zammit – kollha saru protagonisti taħt Joseph Muscat. Dawn id-dettalji juru kif il-Partit Laburista mhux biss huwa korrott fil-Gvern, iżda kien korrott anke fl-Oppożizzjoni.

Simon Busuttil kompla jispjega li għal dawn l-iskandlu, qed iħallsu l-vittmi tal-kriminalità, l-pulizija onesti u ġenwini, kif ukoll dawk li qegħdin fuq is-servizzi soċjali. “B’dispjaċir, dan il-Gvern qed jegħreq fi skandli wara sentejn biss,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hawn hu fakkar li lanqas l-aktar Gvern korrott – dak ta’ Mintoff u Lorry Sant – ma kien tħammeġ wara sentejn biss.

Dwar il-Greċja, Simon Busuttil qal li hu jittama li l-poplu Grieg jivvota favur l-Ewropa. Hu fakkar lis-semmigħa dwar kif u għaliex il-Greċja kellha tasal f’din is-sitwazzjoni, fost l-oħrajn bi tberbiq ta’ flus u korruzzjoni istituzzjonalizzata.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għall-aħħar talba tal-Front Ħarsien ODZ biex il-Gvern jippubblika l-kuntratt li għamel mal-iżviluppaturi Ġordanizi qabel il-Parlament jagħlaq għall-vaganzi tas-sajf. “Għandu jkollna d-dritt li nkunu nafu x’inhu dan il-ftehim ma’ investituri li ħadd ma jaf xejn fuqhom, u li ġew magħżula mingħajr sejħa pubblika,” qal Simon Busuttil, li sostna li anke fil-każ taż-Żonqor, hemm suspetti ta’ ħmieġ. Hu sfida lil Joseph Muscat biex jgħid ċar u tond jekk hux se jirrovina parti miż-Żonqor.

Dwar l-ambjent ukoll, Simon Busuttil qal li l-ISPED propost mill-Gvern mhux talli ma jsaħħaħx l-ambjent, iżda talli jdgħajjef l-ambjent. Hu rrefera għal tliet liġijiet li ppubblika din il-ġimgħa l-Gvern li permezz tagħhom ikun jista’ jaqsam il-MEPA. “Dawn il-liġiijiet jagħmluha aktar faċli lill-Gvern biex jidħol f’intriċċi bħal dawn l-iskandli.” Hu appella liċ-ċittadini ta’ rieda tajba, kif ukoll lill-għaqdiet ambjentali u tas-soċjetà ċivili biex jitfħu għajnejhom għal kif dan il-Gvern irid li jgħaddi malajr dawn il-liġijiet qabel jieqaf il-Parlament, bill-konsegwenzi kollha li jħallu fuq l-ambjent u l-futur ta’ pajjiżna.

Simon Busuttil temm l-intervent telefoniku billi qal li hu jrid li jnaddaf il-politika, u li l-Partit Nazzjonalista jkun alternattiva għall-Gvern li mhux miexi tajjeb u qed jegħreq fl-iskandli. “Jien dħalt fil-politika biex nagħmel differenza, u rrid nfiehem lin-nies li l-Partit Nazzjonalista għandu responsabbiltà li filwaqt li jitgħallem mill-iżbalji, jibni pedamenti fuq is-serjetà u l-onestà,” temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.