Il-plejer tal-golf famuż Amerikan, Bubba Watson, se ‘jelimina’ l-bandiera tal-Confederates li tispikka fuq il-karozza li ntużat fis-sensiela televiżiva ‘Dukes of Hazzard’ tas-snin sebgħin u tmenin.
Watson ħa din id-deċiżjoni fost ir-reazzjoni ‘taħraq’ tan-nies kontra dan is-simbolu tal-Confederates. Il-bandiera ‘tar-ribelli’ tmur lura għall-Gwerra Ċivili tal-Istati Uniti u għandha sinifikat kbir għall-Istati Amerikani tan-Nofsinar. Iżda din hi bandiera ferm kontroversjali li tifred l-opinjoni, tant, li l-kritiċi jqisuha bħala simbolu tar-razziżmu. Għall-kuntrarju, l-Amerikani tan-Nofsinar jinsistu li l-bandiera tal-Confederates tixhed l-identità u l-patrimonju tagħhom.
Min-naħa tiegħu, Bubba Watson, li hu l-proprjetarju tal-karozza (li kien xtraha fl-2012) bagħat messaġġ fuq Twitter fejn qal li jemmen li ‘l-irġiel kollha twieldu ugwali’.
Id-dibattitu reġa’ ħa spinta mindu żgħażugħ qatel disa’ persuni fi sparatura ġo knisja tas-suwed, f’Charleston. Is-suspettat, Dylan Roof, kien deher f’numru kbir ta’ ritratti qed iżomm il-bandiera tal-Confederates b’ċertu sens ta’ reverenza.
Din il-bandiera nġarret mir-ribelli tan-Nofsinar bħala simbolu ewlieni tal-Istati Amerikani tan-Nofsinar huma u jiġġieldu biex jinqatgħu mill-kumplament tal-Union waqt il-Gwerra Ċivili storika. Ħafna minn dawn is-Stati, illum, għadhom juru l-bandiera bi prominenza barra l-bini tal-Gvern, bl-istess bandiera tidher ukoll fuq il-pjanċi tal-liċenzja tal-karozzi.
Iżda din hi wkoll bandiera li tqanqal is-sentimenti negattivi bħala ‘ikonu tal-iskjavtu u l-oppressjoni’. Intant, l-attakk fil-knisja ta’ Charleston qanqal aktar sejħiet biex il-‘Confederate flag’ ma jidhirx b’daqstant prominenza fil-pubbliku.
Min-naħa tiegħu, Bubba Watson, li hu golfer bit-tielet l-aqwa ranking fid-dinja, qal li għandu jgħatti l-emblema inkwistjoni fuq il-karozza tad-‘Dukes of Hazzard’ bis-Stars and Stripes tradizzjonali tal-Istati Uniti.
//= $special ?>