L-Olanda hi biss parti mir-Renju tan-Netherlands, u allura jekk liġi tuża dan l-isem u l-aġġettiv Olandiż/a/i ma tkunx qed tirreferi għaċ-ċittadini tal-pajjiż kollu imma għar-residenti ta’ din il-parti biss tal-pajjiż. Dan sar fil-lista ta’ kull lingwa uffiċjali tal-UE u mhux għall-Malti biss.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qal dan fi stqarrija biex jiċċara li l-għażla tiegħu għall-isem “Netherlands” fil-lista bl-ismijiet tal-pajjiżi, li hi parti mill-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, hi maħsuba għat-tradutturi tal-Unjoni Ewropea u għal-leġiżlaturi li jeħtieġu forma waħda standard, korretta politikament u ġeografikament għal kull isem ta’ pajjiż, biex tintuża b’mod standard fil-liġijiet, id-direttivi, it-trattati u pubblikazzjonijiet oħra li jorbtu legalment; mhux għal kull pubblikazzjoni oħra li mhix legali (eż. letteratura, ġurnaliżmu, kotba tat-tfal, fuljetti tal-ivvjaġġar, eċċ.).
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qal li għalhekk, ladarba l-Kunsill għal dawn il-kuntesti politiko-legali biss għażel in-Netherlands, meta ġie għall-aġġettiv taċ-ċittadini tal-pajjiż, żamm l-aktar wieħed li jikkorrispondi: Netherlandiż/a/i. Din il-forma hi mibnija bl-istess mod kif ilhom jinbnew aġġettivi oħrajn minn nomi propji fil-Malti, bħal Shakespearjan, Freudjan, Marxista, Stricklandjan, u diversi oħrajn.
Il-Kunsill kompla jgħid li din l-għażla saret b’mod studjat, bil-prinċipju li l-Malti jkollu forma aġġettivali uffiċjali għaċ-ċittadini tad-dinja, waqt li jżomm il-forma prepożizzjonali (jiġifieri, f’dal-każ, min-Netherlands) li hi dejjem possibbli. L-istess kif f’Malta, ngħidu aħna, nistgħu nirreferu għal xi ħadd kemm ‘Żejtuni’ kif ukoll ‘miż-Żejtun’ jew ‘Naduri’ kif ukoll ‘min-Nadur’, u l-bqija. Forma waħda ma teskludix lill-oħra.
Madankollu, il-Kunsill qal li jagħraf li l-Olanda hi l-aktar forma komuni mal-Maltin u bl-ebda mod mhu jissuġġerixxi lill-Maltin biex jużaw in-Netherlands u Netherlandiżi minflok l-Olanda u l-Olandiżi. Dawn jistgħu jibqgħu jintużaw f’kull kuntest li mhuwiex politiku jew legali.
Fil-Malti għandna numru ta’ ismijiet ta’ pajjiżi oħra simili li għandhom aktar minn forma waħda possibbli, bħalma huma ir-Renju Unit u l-Ingilterra, l-Ukrajna u l-Ukraina, u oħrajn. Fil-fatt, bħalissa l-Kunsill qed jiġbor lista b’dawn il-forom differenti ħajjin kollha tal-ismijiet Maltin biex min jikteb bil-Malti jkollu gwida ċara tal-varjazzjonijiet li jeżistu f’xi wħud, ilkoll possibbli.
Din il-lista se tkun aċċessibbli fil-ġimgħat li ġejjin mis-sit elettroniku tal-Kunsill biex tintuża mill-pubbliku ġenerali li, fil-biċċa l-kbira tiegħu ma jiktibx pubblikazzjonijiet legali tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>