Ir-riformi fil-Partit Nazzjonalista biex dan ikun jirrifletti iktar l-iżvilupp fis-soċjetà kienu fuq l-aġenda tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake waqt diskussjoni politika li saret fil-Każin Nazzjonalista ta’ San Pawl il-Baħar.
Rosette Thake qalet li minbarra li qed jopponi lil dan il-gvern fil-politika li xxekkel il-progress tal-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista qed ikun oppożizzjoni kostruttiva li tipproponi. Dan, il-Partit Nazzjonalista qed jagħmlu permezz ta’ proposti ġodda u anki liġijiet ġodda.
Rosette Thake sostniet li l-Partit bħalissa għaddej bi proċess ta’ laqgħat mal-istrutturi tiegħu u mas-soċjetà ċivili bl-iskop li jifforma l-aħjar għażliet politiċi biex jippreżentahom bħala proposti għall-pajjiż fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.
Il-kuntatt man-nies, sostniet Rosette Thake, hu element mill-aktar prijoritarju fil-politika tal-Partit Nazzjonalista għaliex dan minn dejjem kien il-partit li jpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. F’dan il-kuntest, Rosette Thake enfażizzat l-importanza tal-kumitati sezzjonali bħala għodda ta’ kuntatt tal-Partit Nazzjonalista fil-lokalitajiet.
Hi semmiet ukoll il-mod kif permezz tal-Uffiċċju Kuntatt, il-Partit Nazzjonalista qed jiġbor informazzjoni dwar każi ta’ inġustizzji li qed jiwettqu minn dan il-Gvern filwaqt li qed ikun ukoll ta’ għajnuna lill-pubbliku. Rosette Thake qalet li permezz tal-attvisti, l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jwassal messaġġ pożittiv li l-parit qed jiġġedded b’mod rilevanti għaż-żminijiet ta’ llum.
//= $special ?>