Il-poplu tal-Greċja, illum, jivvota fir-referendum ta’ potenzjal storiku li jista’ jiddeċiedi d-destin tal-pajjiż bħala membru taz-zona ewro u l-Unjoni Ewropea.
Matul il-lejl tal-Ġimgħa, għexieren tal-eluf ta’ Griegi attendew għal rallies li kienu organizzati f’Ateni mill-kampijiet rivali. Dan meta fis-sigħat li jmiss, il-poplu tal-Greċja jrid jgħid ‘iva’ jew ‘le’ għall-kundizzjonijiet tal-bailout għal pajjiżhom li huma stabbiliti mill-kredituri internazzjonali.
Il-programm attwali għall-bailout tal-Greċja, li kien miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-Bank Ċentrali Ewropew, laħaq skada nhar it-Tlieta; bil-banek f’dan il-pajjiż jibqgħu magħluqin. Fl-istess ħin baqgħu effettivi l-limiti għall-ammonti tal-flus li l-Griegi jistgħu jieħdu mill-cash machines.
Il-Kummissjoni Ewropea, bħala kreditur ewlieni tal-Greċja, trid li l-Gvern ta’ Tsipras jimpenja ruħu għat-taxxi u biex inaqqas l-infiq fuq il-benefiċċji biex pajjiżu jilqa’ l-obbligi fiskali pendenti.
Filwaqt li s-sitwazzjoni fil-Greċja qed issir aktar taħraq, ħadd ma jista’ jkun ċert jekk il-banek jistgħux jiftħu mill-ġimgħa d-dieħla bħalma wiegħed il-Gvern ta’ Tsipras.
L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni jissuġġerixxi li l-vot tallum fil-Greċja jista’ jmur kull naħa, meta l-Griegi li jridu jivvutaw favur il-kundizzjonijiet tal-bailout huma stabbiliti mal-44 fil-mija, bi 43 fil-mija tal-poplu huma kontra.
Kienu pprojbiti li joħorġu aktar stħarriġ ta’ opinjoni inkella li jsiru aktar rallies fi żmien 24 siegħa qabel jiftħu l-postijiet tal-votazzjoni fil-Greċja.
Iżda t-tensjoni fil-Greċja baqgħet tinħass sal-aħħar, fejn il-Ministru tal-Finanzi Grieg, Yanis Varoufakis, akkuża lill-kredituri ta’ pajjiżu dwar ‘terroriżmu’. Meta kellem lill-ġurnalisti tal-gazzetta Spanjola, El Mundo, Varoufakis qalu li t-trojka tal-kredituri internazzjonali ‘jridu jnisslu l-biża’ f’qalb in-nies’ u li l-istituzzjonijiet iridu li l-‘Iva’ tirbaħ ‘biex ikunu jistgħu jumiljaw lill-Griegi’.
Hu kompla li l-Prim Ministru Tsipras għandu xorta jwassal għal ftehim mal-kredituri jekk il-Griegi jiċħdu għat-termini tal-bailout u li l-banek Griegi ‘se jiftħu xorta, nhar it-Tlieta, irrispettivament mir-riżultat tar-referendum’. Iżda l-korrispondenti rrepetaw li l-affarijiet huma wisq inċerti biex xi ħadd jażżarda jasal għall-konklużjonijiet kif ġieb u laħaq.
//= $special ?>