Il-ħaddiema tal-Freeport jinsabu fuq azzjoni industrijali wara tilwima li żviluppat fl-aħħar sigħat b’rabta ma’ sospensjoni ta’ sitt ħaddiema tal-Freeport.
Dan hekk kif sitt ħaddiema ġew sospiżi mix-xogħol tagħhom fil-Freeport talli ma rappurtawx għal xogħol li skont direttiva tal-Unjoni Ewropea mhumiex obbligati li jagħmlu.
Ħaddiema tal-Freeport li kkuntattjaw lil MaltaRightNow.com spjegaw li skont direttiva tal-Unjoni Ewropea, min jaħdem xogħol ta’ bil-lejl u jħaddem makkinarju tqil u perikoluż, ma jistax jaħdem iktar minn 8 siegħat. Minkejja din id-direttiva, il-ħaddiema tal-Freeport kienu qed jintalbu jaħdmu erba’ siegħat żejda qabel jibda x-xift tagħhom f’nofsillejl jew inkella wara li dan jitemm.
MaltaRightNow.com jinsab infurmat li fuq direttiva tal-Unions, fosthom il-GWU u l-UĦM, sitt ħaddiema ma rrappurtawx għal dawn l-erba’ siegħat xogħol overtime qabel beda x-xift tagħhom f’nofsillejl, bil-konsegwenza li ġew sospiżi minnufih.
B’konsegwenza ta’ dan, il-ħaddiema tal-Freeport waqfu mix-xogħol tagħhom fuq azzjoni industrijali b’solidarjeta’ mal-ħaddiema li ġew sospiżi. Skont informazzjoni li għandu dan is-sit, jidher li anke l-ħaddiema tax-xift ta’ filgħodu komplew bl-azzjoni industrijali.
//= $special ?>