Aġġornata
Imut f’San Vinċenz de Paul l-anzjan li ssawwat minn health assistant
L-anzjan mill-Marsa li kien imsawwat fl-aħħar ta’ Mejju li għadda fis-Sala Numru 3 tar-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz de Paule minn Health Assistant, storja żvelata minn il-mument fil-21 ta’ Ġunju li għadda, miet fil-lejl ta’ bejn nhar l-Erbgħa u l-Ħamis, 24 u 25 ta’ Ġunju li għadda u ndifen 24 siegħa wara mingħajr ma’ qrabatu kienu infurmati bit-telfa tiegħu.
Dwar dak l-inċident nhar il-Ħadd li għadda il-mument irrapporta kif l-awtoritajiet tas-Saħħa fir-Residenza San Vinċenz de Paul skattaw investigazzjoni dwar il-Health Assistant li allegatament sawwat lil dan l-anzjan residenti fl-istess Residenza.
Dwar dan l-inċident – kif irrapporta wkoll l-istess anzjan lill-Pulizija li kien insista li jitkellem magħhom dwar dak li kien għadda minnu – kienu bdew ukoll investigazzjonijiet separati mill-Pulizija tad-Distrett li kellmu wkoll qraba u persuni oħra li raw l-inċident iseħħ quddiemhom fis-Sala Numru 3 fejn il-Health Assistant allegatament ta daqqa ta’ ħarta lill-anzjan.
Jidher li l-Amministrazzjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul se tħalli dawn l-investigazzjonijiet isiru u mbagħad taġixxi skont dak li jirriżulta.
Invista ta’ dan l-allegat inċident serju kien hemm min stenna li dan il-Health Assistant joħroġ bil-forced leave. Ir-Regolamenti tal-Ċivil, preċiżament ir-Regolament 14.1 tar-Regolamenti tal-Proċedura ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jitkellmu bl-aktar mod ċar dwar x’għandu jsir f’każi bħal dawn meta persuna fiċ-Ċivil tkun qed tiġi investigata.
Sadattant f’nofs il-ġimgħa l-oħra dan l-anzjan, proprju għall-ħabta tas-2 a.m. sbieħ l-Erbgħa, miet. Għal xi raġuni jidher li l-awtoritajiet konċernati ma nfurmaw lil xi ħadd mill-qraba jew il-familja tiegħu bir-riżultat li dan l-anzjan spiċċa indifen mingħajr ma ngħata l-aħħar tislima mill-familjari tiegħu.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li qrabatu skoprew li ħuhom kien miet wara li ċemplulu diversi drabi fuq il-mobile iżda kuntrarju għal dak li jiġri s-soltu, din id-darba ħuhom ma weġibhomx. Nifhmu li min ċempillu, ċempel imbagħad fis-sala fejn kien qed jinżamm u kien hawnhekk li sar magħruf li dan l-anzjan kien miet fil-jiem ta’ qabel u li kien indifen ukoll.
Dawn il-qraba, maħsuda bl-aħbar mhux biss tal-mewta tiegħu, imma anki tal-mod kif saru l-affarijiet fejn l-anzjan miet u ndifen u huma ma kienu mgħarrfa b’xejn, ma setgħux jifhmu għaliex kien ġara dan kollu, aktar u aktar meta l-istess anzjan kien fiċ-ċentru ta’ inkjesta minħabba li xahar qabel kien għadu kemm issawwat fl-istess Residenza.
Jidher li l-awtoritajiet konċernati f’San Vinċenz de Paul infurmaw biss lil xi ħadd ħabib tal-anzjan li milli jidher li ħa ħsieb hu l-arranġamenti tal-funeral. Fil-fatt l-anzjan ingħata l-aħħar tislima b’quddiesa li saret fil-Kappella ta’ Marija Addolorata fiċ-Ċimiterju stess li għaliha prattikament kien hemm preżenti biss il-patri li qaddes u l-ħabib li kien infurmat bit-telfa tiegħu.
Familjari li tkellmu ma’ il-mument qanqlu diversi mistoqsijiet dwar il-mod kif saru l-affarijiet, fosthom jekk jistgħux iserrħu rashom li dan l-anzjan verament miet mewta naturali u b’riżultat tal-kundizzjoni li kellu. Imma fuq kollox għaliex biex seta’ jindifen kien hemm bżonn – skont il-kummissjonant stess li ħa ħsieb il-funeral – tal-permess tal-Pulizija?
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument temmew jgħidilna li r-rapport pubblikat minn din il-gazzetta ħmistax ilu dwar dan il-każ xejn ma niżel tajjeb ma’ ċerti persuni li ppreferew li kollox jibqa’ mistur.
Intant, persuni li tkellmu ma’ dan is-sit wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-istorja, qalu li l-awtoritajiet kellhom il-kuntatt ta’ sieħeb l-anzjan li miet u li l-kuntatt dwar il-mewt ta’ dan l-anzjan sar ma’ din il-persuna, iżda jidher li dan min-naħa tiegħu ma nfurmax lill-familja.
//= $special ?>