Lokali

Raġel jinstab mejjet f’residenza l-Belt

Awtopsja fuq il-katavru mistennija titfa’ aktar dawl dwar x’wassal għall-mewt tar-raġel

Raġel ta’ 34 sena nstab mejjet f’residenza fil-Belt Valletta s-Sibt għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija. Dan wara li l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’residenza fi Triq San Nikola, il-Belt Valletta.

Il-Pulizija marru fil-post anke wara informazzjoni li r-raġel kien ilu ma jidher għal diversi ġranet u xi ġirien issuspettaw li seta’ ġralu xi ħaġa. Hekk kif il-Pulizija daħlet fir-residenza tidħol, innutat lir-raġel bla ħajja f’waħda mill-kmamar.

Peress li l-kadavru kien fi stat ta’ dekompożizzjoni issejħet l-assistenza minn membri mill-Isptar Mater Dei sabiex jittieħed lejn il-kamra mortwarja.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Neville Camilleri li ħatar diversi esperti sabiex jassistuħ fl-inkjesta li ġiet appuntata.

Investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Għassa tal-Belt u mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga għadhom għaddejjin. Dan filwaqt li awtopsja fuq il-katavru mistennija titfa’ aktar dawl dwar x’wassal għall-mewt tar-raġel.