Lokali

Self mill-BOV lill-Air Malta jqajjem mistoqsijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew

Il-Bank of Valletta reġa’ spiċċa fil-midja wara li l-Ħadd ġie żvelat li sellef miljuni ta’ ewro f’self, mingħajr garanzija ta’ ħlas lura, lill-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta wara telf qawwi li għamlet il-linja nazzjonali tal-ajru f’xiri ta’ fjuwil neċessarju għall-operazzjoni tal-ajruplani tagħha.

Skont rapport li ġie żvelat fil-ħarġa tal-Ħadd ta’ The Malta Independent, il-Bank Ċentrali Ewropew qajjem numru ta’ mistoqsijiet mal-għola rjus tal-Bank of Valletta wara li l-linja tal-Air Malta talbet għall-assistenza tal-bank biex tagħmel tajjeb għal telf minn hedging li sar għax-xiri tal-fjuwil għall-ajruplani, u li fisser telf qawwi għall-kumpanija tal-ajru wara li l-prezz tal-fjuwil raħas b’mod qawwi matuli s-sena li għaddiet.

Skont ir-rapport żvelat fil-midja jirriżulta li l-Bank of Valletta ma talab l-ebda garanzija mill-Air Malta fuq dan is-self li skont dak żvelat fil-midja jammonta għal ‘miljuni ta’ ewro’. Dan wassal biex uffiċjali mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji qed jiġru wara l-Air Malta għal tweġibiet dwar dan is-self li qed jiġi deskritt bħala wieħed stramb għall-aħħar.

Hekk kif fl-aħħar sentejn l-Air Malta ma rreġistratx titjib fil-qagħda finanzjarja tagħha, wara li ngidmet mill-hedging li sar għax-xiri tal-fjuwil, il-linja tal-ajru ma setgħetx iddur fuq il-Gvern għall-għajnuna peress li din it-tip t’għajnuna mill-Gvern kienet tikkostitwixxi ksur ċar tar-regoli tal-Unjoni Ewropewa dwar l-għajnuna mill-istat.

Il-Gvern Malti hu l-uniku shareholder fil-linja nazzjonali tal-ajru. Il-Gvern għandu wkoll 25% tal-ishma fil-Bank of Valletta.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Bank of Valletta spiċċa fil-midja wara li ġew żvelati numru ta’ rapporti dwar il-mod pjuttost stramb kif dan il-bank qed jopera.

Fost l-oħrajn kien ġie żvelat il-mod kif il-Bank of Valletta approva s-somma ta’ madwar kwart ta’ miljun ewro f’termination benefit għas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon bħala skema ta’ irtirar kmieni. Din it-termination benefit ingħatat minkejja li s-Segretarju Parlamentari ma kienx jikkwalifika għal din it-tip ta’ skema ta’ irtirar.

Il-Bank of Valletta wkoll kien fiċ-ċentru tal-każ li fih il-Gvern allokka 88 miljun ewro mill-fondi pubbliċi f’garanzija għal self li sar lill-konsorzju electrogas li hu marbut bil-bini ta’ powerstation ġdida, li suppost kellha tibda topera f’Marzu li għadda. Dwar dan il-każ, kien ġie żvelat li l-Bank of Valletta aċċettat garanzija ta’ 88 miljun ewro f’garanzija mill-Gvern Malti għal self li electrogas kellha bżonn bilfors biex tista’ tkompli bil-pjanijiet għall-bini ta’ powerstation ġdida.

Intant dwar dawn il-każijiet tkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li f’intervent telefoniku fuq Radio 101 il-Ħadd filgħodu appella lill-BOV biex jagħti t-tweġibiet lix-shareholders kif ukoll lill-pubbliku. Simon Busuttil qal li l-pubbliku jistenna standards għolja mill-bank u mhux dawn it-tip ta’ azzjonijiet sempliċiment għax il-Bank huwa kkontrollat mill-Gvern.