Il-Ministru Zammit Lewis jirrifjuta li jwieġeb dwar self lill-Air Malta mill-Bank of Valletta
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil insista fil-Parlament li l-Gvern għandu jwieġeb jekk m’għandux x’jaħbi, u jispjega għal mistoqsijiet li tressaq l-Oppożizzjoni fil-ħin tal-mistoqsijiet u mhux tirċievi nsulti u tgħajjir flok ma l-Gvern jirrispondi.
Din id-dikjarazzjoni saret fil-ħin tal-mistoqsijiet meta l-Gvern irrifjuta li jwieġeb u jitkellem dwar artiklu li kien ippubblikat fil-gazzetta The Malta Independent on Sunday dwar self bla garanzija li l-Bank of Valletta ta lill-Air Malta biex jagħmel tajjeb għal telf fil-hedging tal-fuel.
Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg, Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, staqsa fil-ħin tal-mistoqsijiet dwar l-artiklu ppubblikat biex il-Ministru jispjega, u jekk hix prassi ta’ dan il-Gvern preżenti li jsir self lil entitajiet tal-Gvern bla garanziji.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis irrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Opppożizzjoni għaliex qal li dawn il-mistoqsijiet ma kinux relatati mal-mistoqsija oriġinali li dwarha kien qiegħed iwieġeb, bl-istess Ministru tal-Gvern jgħid li l-Oppożizzjoni mhi tifhem xejn.
Filwaqt li ħassu sorpriż kif l-Oppożizzjoni qed tressaq dawn il-mistoqsijiet li rrifera għalihom bħala irresponsabbli dwar dak li sejjaħ bħala materji ta’ segretezza, il-Ministru Zammit Lewis tenna li l-fatti ppubblikati huma skorretti.
Filwaqt li ddikjara lil m’għandu ebda problemi li jiddibatti dwar dak li kien ippubblikat fil-media, il-Ministru Edward Zammit Lewis baqa’ jirrifjuta li jwieġeb u jagħti spjegazzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrimarka mal-Ispeaker Anġlu Farrugia, li l-Gvern għandu jispjega fil-Parlament u jekk m’għandux x’jaħbi jagħti l-informazzjoni li tintalab mill-Oppożizzjoni fuq materji li huma ta’ importanza nazzjonali.
Simon Busuttil spjega wkoll li din hi l-ewwel okkażjoni wara li kienet ippubblikata l-istorja dwar self lill-Air Malta mill-Bank of Valletta, li l-Oppożizzjoni għandha l-opportunità li tistaqsi lill-Gvern biex iwieġeb u jagħti l-informazzjoni.
Il-Ministru Zammit Lewis baqa’ jirrifjuta li jispjega, bl-Ispeaker jirrimarka li hi fl-għażla tal-Ministru li jwieġeb mistoqsijiet li ma jkunux relatati mal-mistoqsija oriġinali li tkun saret u qed titwieġeb fil-Parlament.
L-Oppożizzjoni oġġezzjonat ukoll għal kliem u rimarki li għadda l-Ministru għat-Turiżmu Zammit Lewis, bl-Oppożizzjoni tappella lill-Ministru biex jikkalma, ikun trasparenti u jwieġeb u jagħti l-informazzjoni.
//= $special ?>