Għall-ħabta tas-1.15am ta’ dalgħodu seħħet splużjoni fix-showroom tat-Toyota f’Ħaż-Zebbuġ, splużjoni li nstemet minn diversi lokalitajiet, filfatt xi wħud saħansitra ħasbu li kienet splużjoni relatata mal-logħob tan-nar.
Kif ikkonfermaw il-Pulizija fi stqarrija, l-isplużjoni seħħet fil-parti l-antika tax-showroom, fil-kantuniera tat-triq. Partijiet mill-bieb, bl-isplużjoni taru diversi metri. Jirriżulta li l-bomba li ntużat kienet waħda mhux magħmula b’mod konvenzjonali.
Fuq il-post immedjatament waslu l-Pulizija tad-distrett, kif ukoll Pulizija tal-RIU li kkontrollaw it-traffiku, aktar tard wasal ukoll tim tal-Explosives Ordinance Disposal (EOD), l-ispettur Keith Arnaud u l-membri tal-forensika, li ħadu r-ritratti tax-xena u tkellmu mas-sidien li kienu preżenti fil-post.
Fortunatament fil-ħin tal-isplużjoni ma kien hemm ħadd fix-showroom.
Dalgħodu kompliet l-inkjesta fil-post, immexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Consuelo Scerri Herrera.