Lokali

Fi żmien xahar tista’ tispiċċa fit-triq mingħajr saqaf fuq rasha

L-istorja ta’ Amanda Magro hija waħda li tħallik kważi bla kliem. Storja ta’ omm li sal-aħħar tax-xahar id-dieħel tista’ tispiċċa barra fit-triq kemm-il darba mill-Awtorita’ tad-Djar ma jsibuliex post alternattiv.

Il-kwistjoni ta’ Amanda ilha li bdiet minn qabel l-2013 meta hi kienet qed tagħmel talba lill-Housing biex issib post tal-Gvern. Qabel l-elezzjoni ġenerali kienu sarulha diversi wiegħdiet, iżda s’issa ma sar xejn.

Is-sitwazzjoni kompliet tikber fl-urġenza meta fil-bidu tax-xahar li għadda din l-omm irċiviet nota mingħand il-persuna fejn qed tikri bħalissa sabiex toħroġ mill-flat sal-aħħar t’Awwissu. “Jien ngħix f’dan il-post flimkien ma’ ibni li għandu 10 snin, u ħija. Qed inħallas €350 fix-xahar. Għalxejn provajt insib flat ieħor, għax ma sibtx b’dan il-prezz”, tispjega Amanda Magro.

Fl-aħħar ġranet hi marret għand id-Dipartiment tad-Djar. U hawn għaddiet minn esperjenza oħra kerha ħafna fejn persuna bagħtitha tikri flat mill-privat, minflok tatha l-għajnuna meħtieġa f’dan il-każ delikat.

“Mhux se nsib flat bil-prezz li qed inħallas bħalissa. Issa x’se jiġri minni? Jekk ma jgħinunix tal-Housing se nispiċċa barra fit-triq”, spjegat din l-omm.

Aktar dettalji fin-Nazzjon ta’ għada.