Il-famuż ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti magħruf bħala Transatlantic Trade and Investment Partnership (TTIP) qed ikompli jqajjem aktar tħassib, bl-għaqda Friends of the Earth issejjaħ lill-MEPs Maltin sabiex jivvutaw favur emendi għal dan il-ftehim.
Il-vot se jkun qed jittieħed din il-ġimgħa (l-Erbgħa) fis-sessjoni plenarja ġewwa Strasburgu.
Friends of the Earth qed tappella biex titneħħa l-klawsola tal-ISDS illi tagħti ċans biex kwistjonijiet bejn gvern u investitur barrani jmorru quddiem bord ta’ arbitraġġ. Dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet – li ħafna minnhom kienu dwar siti għal landfills, impjanti nuklejari u kuntratti ma’ kumpaniji taż-żejt – diġa’ qed ikollhom impatt negattiv, tispjega Friends of the Earth fi stqarrija. Dan għaliex każi ta’ dan it-tip jistgħu jiswew miljuni kbar għall-Gvern Malti.
Fl-istqarrija jintqal illi t-TTIP tpoġġi d-demokrazija tal-pajjiżi membri fl-UE suġġetta għall-pressjoni ta’ diversi lobbyists.
Il-ftehim tat-TTIP kien tfassal oriġinarjament biex kumpaniji mill-UE ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jinvestu u jesportaw lejn l-Istati Uniti. Iżda l-klawsola tal-ISDS tiftaħ tieqa perikoluża li tista’ tkun ta’ detriment għall-gvernijiet tal-pajjiżi rispettivi.
//= $special ?>