Kollox maħdum bizzilla biex hekk kif Maġġur jispiċċa mill-Korp bil-pensjoni jibda jaħdem mal-Ministru Helena Dalli
Il-Maġġur tal-Pulizija Steve Monreal li taħt dan il-Gvern reġa’ daħal fil-Korp, ħa promozzjoni u reġa’ rtira mill-Korp, issa għandu impjieg ukoll mal-Ministeru ta’ Helena Dalli. Jirriżulta li hu ġie impjegat fil-Ministeru ta’ Helena Dalli fl-istess ġurnata li rtira mill-Korp tal-Pulizija, b’Monreal jirrimarka fuq Facebokk “Goodbye Police Force. Hello new job”.
Dan kien żvelat mill-gazzetta In-Nazzjon illum wara li kien diġà żvelatfil-jiem li għaddew kif is-Surġent Maġġur tal-Pulizija, Steve Monreal, reġa’ ġie reinstated fil-Korp tal-Pulizija, erba’ xhur wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013 mill-Gvern Laburista wara li kien ilu tmien snin li rtira mill-Korp tal-Pulizija, u f’anqas minn erba’ xhur ingħata promozzjoni. L-istess Surġent, issa fir-rank ta’ Surgent Maġġur fit-Tieni Klassi, irtira bil-pensjoni erba’ xhur wara u f’anqas minn sena u tmien xhur wara li kien reġa’ daħal fil-Korp.
Dan il-każ tqajjem permezz ta’ mistoqsija parlamentari li għamel il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, lill-Ministru għall-Intern Carmelo Abela.
Mit-tweġiba parlamentari li ta l-Ministru Carmelo Abela fil-Parlament ġie kkonfermat li Steve Monreal reġa’ rtira għat-tieni darba mill-Korp f’Marzu tal-2015, tliet xhur u nofs ilu, wara l-promozzjoni li kien ħa. Irriżulta iżda li anke s-Surġent Maġġur Steve Monreal kien jaf eżatt x’ser isir u kellu min jinfurmah tajjeb, tant li f’post li tella’ fuq Facebook l-istess Steve Monreal fl-14 ta’ Marzu 2015 kiteb, “Good bye Police Force. Hello new job”.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, staqsa din id-darba lill-Ministru Helena Dalli jekk il-Maġġur Steve Monreal jaħdimx bħala procurement manager fil-Ministeru tagħha.
Il-Ministru Helena Dalli fir-risposta tagħha kkonfermat li dan beda jaħdem magħha bħala procurement manager fis-16 ta’ Marzu 2015.
Jekk wieħed jara r-risposta parlamentari tal-Ministru Carmelo Abela malajr jinduna li hemm xi ħaġa komuni bejn iż-żewġ risposti. Filwaqt li l-Ministru Abela jgħid li l-Maġġur Monreal irtira mill-Korp fis-16 ta’ Marzu ta’ din is-sena, fir-risposta parlamentari separata tal-Ministru Helena Dalli tgħid li dan beda jaħdem magħha bħala procurement manager ukoll fis-16 ta’ Marzu 2015 – fl-istess ġurnata li hu rtira mill-Korp tal-Pulizija.
Dan jikkonferma kif il-Maġġur Monreal kellu kollox maħdum bizzilla biex hekk kif jispiċċa mill-Korp tal-Pulizija bil-pensjoni aġġustata għal dik ta’ Maġġur, jerġa’ jibda jaħdem u jieħu l-paga din id-darba ta’ procurement manager fil-Ministeru ta’ Helena Dalli.
Kien l-istess Monreal li għamel ammissjoni li kien beda impjieg ġdid meta fuq il-paġna tiegħu tal-Facebook, Monreal kiteb li hu qed jaħdem bħala “Procurement Manager at MSDC”, fil-Ministeru ta’ Helena Dalli. Mhux biss, iżda x-xahar li għadda fuq Facebook ukoll, tella’ ritratt bil-veduta li għandu mill-uffiċċju tal-Ministeru ta’ Helena Dalli.
Dan il-każ tas-Surġent Maġġur, li fir-rtiratti li tella’ fuq Facbook hemm tifkiriet mal-eks-Prim Ministru Laburista Dom Mintoff, ikompli jiżdied mal-kullana ta’ skandli orkestrati fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u ma’ dawk l-uffiċjali li nstabilhom xogħol ieħor hekk kif ħarġu bil-pensjoni jew saħansitra wara li gew boarded out bħal fil-każ tal-eks-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit issa b’impjieg mal-aġenzija li tmexxi l-gwardjani lokali; u ta’ ibnu l-Ispettur Daniel Zammit li ngħata wkoll impjieg mal-Enemalta, rispettivament.
//= $special ?>