Il-Front Ħarsien ODZ appella lill-Gvern biex ineħħi żewġ klawsoli mill-Pjan Strategiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED), li qed jiġi diskuss fil-Parlament.
Fl-ewwel klawsola jingħad li fejn ma jkunx hemm alternattivi oħra vijabbli fiż-żoni urbani, jista’ jiġi permess żvilupp f’ODZ, filwaqt li t-tieni waħda tgħid li proġetti meqjusa bħala ta’ natura sostenibbli wkoll jistgħu jiġu permessi f’inħawi li huma barra miż-żoni tal-iżvilupp bħala “last resort” fejn ikun essenzjali biex jinkiseb żvilupp sostenibbli.
Sejħa simili biex dawn iż-żewġ klawsoli jitneħħew saret il-ġimgħa li għaddiet mill-NGO Din l-Art Ħelwa, li kitbet formalment dwar dan lill-Gvern, lill-MEPA u lill-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent. Il-Front Ħarsien ODZ qal li qed jappoġġja s-sejħa tal-għaqda biex dawn il-klawsoli jitneħħew.
Fi stqarrija, il-Front sostna li jaqbel ukoll ma’ proposta li kienet għamlet l-għaqda Friends of the Earth biex iż-żona ODZ tiġi ddikjarata bħala żona protetta li hi parti mill-wirt naturali tal-poplu Malti. Kompla li l-kostruzzjoni f’ODZ hi dejjem insostenibbli, ħlief f’każi eċċezzjonali meta l-iżvilupp hu meħtieg għall-biedja jew għal xogħlijiet ta’ infrastruttura neċessarji għall-ġid komuni, bħal pereżempju impjanti għat-trattament tad-drenaġġ.
L-ebda art ODZ m’għandha qatt tintuża’ għal attività kummerċjali li l-għan tagħha hu l-profitt, sostna l-Front Ħarsien ODZ.
//= $special ?>