Il-Gvern ikkonferma li waqqaf id-diskussjonijiet mal-kumpanija Russa dwar l-iżvilupp ta’ Shooting Range fl-inħawi tal-Busbesija, fil-limiti tal-Mosta.
Fi stqarrija tas-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva ntqal li wara li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern ikkonkluda t-tieni fażi li matulha saret evalwazzjoni aktar dettaljata tal-applikanti li ntgħażlu fl-għażla inizjali, il-Gvern iddeċieda li ma jkomplix mal-preferred bidder inizjali, U-Group Malta Ltd.
B’hekk se jinfetħu negozjati ġodda mal-applikanti li ġew fit-tieni post, li huma Busbesija Group of Investors li pproponew ‘Retreat House’ b’faċilitajiet ta’ Agrituriżmu.
Dan hu biss wieħed minn erba’ proġetti ta’ rijabilitazzjoni f’erba’ siti storiċi abbandunati li huma proprjetà tal-Gvern li se jingħataw lill-privat b’konċessjoni ta’ 45 sena biex jiġu restawrati u jinstab użu sostenibbli għalihom.
Fil-każ tat-tliet siti l-oħra, wara l-evalwazzjoni aktar dettaljata kien deċiż li t-taħditiet ikomplu mal-kumpaniji magħżula inizjalment. Dawn huma l-Malta Health Care Caterers fil-każ tal-Isptar tal-Iżolazzjoni fl-Imtarfa, Exclusivity Malta Ltd fil-każ tal-Palazz tal-Marfa u Frott Artna Agritourism Consortium fil-każ tal-Palazz ta’ Strickland fl-Imġarr.
Sadanittant, dwar l-aħbar li l-iżvilupp tax-Shooting Range ġie rtirat, ħarġet stqarrija l-għaqda Mostin u Ħbieb Kontra x-Shooting Range li filwaqt li esperimiet sodisfazzjon, irringrazzjat lir-residenti kollha tal-Mosta u lil dawk kollha li appoġġjawha. Irringrazzjat ukoll lill-membri tal-Kunsill Lokali tal-Mosta li b’mod ċar iddikjaraw l-oppożizzjoni tagħhom għal dan l-iżvilupp, kif ukoll lill-komunità tal-Ġiżwiti li kienet hi li qajmet kuxjenza dwar dan il-proġett li kien se jkollu impatt negattiv ukoll fuq id-Dar tal-Irtiri tagħha Mount St Joseph.
L-għaqda rringrazzjat ukoll lill-Front Ħarsien ODZ li wkoll appoġġja l-kawża tagħha, u temmet tgħid li r-residenti tal-Mosta se jirċievu fi djarhom fuljett informattiv dwar dan l-iżvilupp li kien laħaq intbagħat qabel ma ħarġet id-deċiżjoni li l-proġett twaqqaf.
//= $special ?>