Lokali

Il-politika tal-Oppożizzjoni dwar l-ugwaljanza bbażata fuq il-fatti

Il-politika tal-Oppożizzjoni fil-qasam tal-ugwaljanza mhijiex biss fil-kliem, iżda bbażata wkoll fuq il-fatti. Il-politika tal-Partit Nazzjonalista qed jitkellem dwarha u mhux qed jistenna li jkun fil-Gvern biex iwettaqha. Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa.

B’riżultat ta’ din il-politika, inbidlet il-fiżjonomija tal-Partit. Dan sehh wara t-tibdil tal-Istatut, li wassal biex ir-rappreżentanza fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista, mill-Kumitati Sezzjonali sal-Kumitat Eżekuttiv, tkun waħda ugwali bejn in-nisa u l-irġiel.

L-istess għal dak li għandu x’jaqsam max-Shadow Cabinet, li nofsu hu magħmul minn nisa. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dawn ir-riformi mhux qed isiru għan-numru, iżda għaliex il-Partit Nazzjonalista jemmen li n-nisa jagħtu kontribut kwalitattiv, kemm fir-rappreżentanza Parlamentari, kif ukoll eventwalment rappreżentanza governattiva.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa Mary Gaerty qalet li l-Kunsill laqa’ b’sodisfazzjon it-tibdil li sar fil-Partit Nazzjonalista, filwaqt li tittama li din tissarraf f’aktar rappreżentanza femminili fil-Parlament.

Qalet li l-Kunsill mhux qed jisħaq għall-ugwaljanza bħala għan fih innifsu, iżda għax in-nisa għandhom l-istess ħiliet u esperjenza f’oqsma differenti bħalma għandhom l-irġiel. Għaldaqstant, l-ugwaljanza twassal għal taħlita ta’ aktar ħiliet, mhux l-anqas fil-ħajja pubblika.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ugwaljanza Clyde Puli u l-President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista Marion Pace Axiaq.