Lokali

Jien Patrijott ukoll!

Għadni ma nistax nifhem sewwa x’inhu jiġri f’dan il-pajjiż fil-konfront tal-umanità.

Fid-dawl tal-inċident aktar kmieni din il-ġimgħa li fih student Ungeriż (li nzerta ta’ karnaġġjon skur) safa aggredit, irredikolat u fuq kollox arrestat għax xi patrijott beżaqlu tliet darbiet u tah daqqa ta’ ħarta, liema inċident qajjem mill-ġdid ħafna diskussjonijiet fuq kemm dal-pajjiż għadu lura biex jimxi ‘l quddiem u jkun f’konformità ma’ dak li hu mistenni minn pajjiż ċivilizzat u membru tal-Unjoni Ewropea, ninnota li hawn għaqda li ssejjaħ lilha nnifisha ‘patrijotta’ li qiegħda tikkampnaja kontra l-integrazzjoni u kontra l-invażjoni(?).

Onestament ninsab maħsud, l-ewwel nett għaliex din l-għaqda qiegħda tinqeda bl-idea tal-patrijottiżmu sabiex twaqqaf din li qed isejħulha invażjoni minn immigranti li jfittxu xortihom lil hinn minn xtuthom, għal raġunijiet li kieku dawn il-patrjotti kellhom isibu ma’ wiċċhom, ma għandix dubju li jagħmlu l-istess!

Xi jridu jfissru eżatt, li min ma jiffirmax mhuwiex patrijott Malti? Jiġifieri jien li nħaddan dak kollu li hu Malti, fuq kollox il-lingwa Maltija (li ħafna minn dawn il-patrijotti li jiktbu fuq is-siti soċjali qas biss jafu jużaw!) u l-letteratura Maltija miniex patrijott? Jiġifieri jien li qiegħed nagħti ħajti biex il-livell akkademiku tal-Malti f’pajjiżna jimxi ‘l quddiem, miniex patrijott? X’qed jistennew, li jkunu onorati b’ġieħ ir-Repubblika għax qed jiddefenduni?

Inħoss li din l-għaqda sejra tkun qiegħda tagħmlilna aktar ħsara milli ġid, l-aktar f’mumenti meta l-Unjoni Ewropea tinsab taħdem qatigħ b’kollaborazzjoni storika biex tasal għal konklużjonijiet li jagħtu l-frott f’din il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni bil-baħar u ssib toroq alternattivi li huma msejsa fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Jekk tagħti ħarsa lejn il-paġna tal-istess għadqa fuq wieħed mis-siti soċjali ewlenin, tintebaħ b’xamma qawwija ta’ mibegħda li mhix karattersitika tagħna l-Maltin, u li jekk kelli nkun onest, twaqqagħli wiċċi l-art. Xi jridu mill-politiċi Maltin u Ewropej dawn kollha li qed imexxu din il-propoganda li fil-verità ma tagħmilx sens? X’qed jistennew mill-politiċi Maltin, li jikkonfoffaw biex inkunu aħna l-Maltin li ma nsegwux il-passi tal-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-immigrazzjoni li għalihom ilna nitħabtu snin?

Ħasra, it is about time we wake up and smell the coffee u naġixxu ta’ poplu matur.